Il-Kelliem tal-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista sostna li d-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Partit Nazzjonalista, mimli żbalji u nieqes mis-sustanza, kif żvelat mill-Partit Laburista, huwa ‘a work in progress’.
Dan minkejja li l-Baġit għas-sena d-dieħla issa ilu li tħabbar aktar minn ġimgħa.
Graham Bencini qal dan mal-mikrofonu ta’ ONE News proprju fl-istess jum li dan id-dokument ġie żvelat fl-intern tiegħu.
Evidentement skomdu u mifxul mal-ġurnalist tagħna, Bencini qal ukoll li ONE ma kellux informazzjoni korretta, minkejja li ħadd mill-Partit Nazzjonalista ma ċaħad li dan kien dokument oriġinali tal-istess Partit.
ĠURNALIST: “Dokument intern jew mhuwiex. Kien konkluż dan id-dokument jew le?”
GRAHAM BENCINI: “Dak hu eżerċizzju intern, hu works in progress, għax dak id-dokument hu work in progress. Għalkemm intom għamiltu storja fuqha, ma kellkomx l-informazzjoni korretta, għax dan hu work in progress.”
Bħalma għamel Bernard Grech qablu, Bencini pprova jbenġilha wkoll li dan kien dokument intern biss u b’hekk ma kienx immirat li joħroġ fid-dominju pubbliku.
“Dak kien dokument intern, għax aħna ma nħarsux biss minn baġit għal ieħor minn sena għall-oħra.”
Graham Bencini
Madankollu hi prassi normali u aċċettata li dokument ta’ qabel il-baġit jitħejja biex jiġi ppubblikat biex iwassal il-pożizzjoni pubblika tal-partit mal-pubbliku qabel kull baġit.
Mistoqsi aktar għaliex dan id-dokument ma ġiex ippubblikat mill-Partit Nazzjonalista, Bencini pprova jiġġustifika billi jsostni li lanqas is-sena li għaddiet ma sar hekk.
ĠURNALIST: “L-ewwel baġit tiegħek f’din il-kariga bħala Kelliem għall-Finanzi u ma ppubblikajt xejn, fis-sens ix-xogħol inbeda, imma ma spiċċax, ma rajniex eżitu tiegħu.”
GRAHAM BENCINI: “Lanqas is-sena l-oħra, m’għamilniex hekk.”
Botta ċara lejn il-Kelliem tal-Finanzi ta’ qablu, Jerome Caruana Cilia, li taħtu l-Partit Nazzjonalista ħareġ dokument ta’ qabel il-baġit mimli żbalji tant li kien deskritt bħala tgħaffiġa sħiħa jew “mess” mill-midja indipendenti, u sett ta’ slides li d-deputati responsabbli lanqas kienu jafu x’fihom.
Bencini lebbet ġewwa l-Parlament malli ġie mistoqsi min seta’ llikja dan id-dokument sensittiv mid-Dar Ċentrali, f’sinjal ċar ta’ qasma kbira fi ħdan iċ-ċirku intern tal-Kap Nazzjonalista.
ĠURNALIST: “Taħseb li taf min illikjah, għax dawn illikjawuhulek.”
GRAHAM BENCINI: “Insellmilkom.”