Il-Partit Nazzjonalista permezz tad-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis qal li l-miżura tal-Budget, li t-trasport pubbliku jingħata b’xejn lil kulħadd hija gimmick.
Barra l-Parlament staqsejnieh jekk jaqbilx mal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li qal li l-Budget kien wieħed tal-arja sħuna li titla’ ’l fuq.
Madankollu Ellis ħareġ b’aġġettiv ieħor u qal li l-Budget għas-sena d-dieħla kien wieħed tal-Gimmicks: “Kien mimli ħafna Gimmicks.”
Meta kien mistoqsi: “Liema huma l-miżuri li skontok qed tgħid huma gimmick?”
Joe Ellis wieġeb: “Kien hemm pereżempju, ħa ngħidlek waħda, pereżempju li l-buses, il-fare ser isir b’xejn.”
Huwa għażel li jinjora għal kollox il-fatt li l-Gvern ser idaħħal din il-miżura f’Ottubru li ġej sabiex jilħaq jagħmel l-arranġamenti neċessarji u l-investiment f’iżjed karozzi sabiex tikber il-flotta.
Minflok qabad jikkritika li l-Gvern irid iżid il-karozzi u mhux jagħmel il-passaġġ bla ħlas.
Għalhekk staqsejnieh direttament jekk jaqbilx li tal-Linja tkun b’xejn.
Hawnhekk spikkat il-politika tal-awsterità sinonima ħafna ma’ Gvernijiet Nazzjonalisti li jemmnu li xejn m’għandu jkun b’xejn u li dak li jagħti min-naħa jrid jieħdu minn piżijiet banda oħra.
Huwa ikkonferma li l-Partit Nazzjonalista jemmen li fi kliemu “There is nothing like a free lunch”.
Meta kien mistoqsi: “Ma jkunux b’xejn?”
Joe Ellis qal, “Eh.. ħa ngħidlek ħaġa.. there is nothing like a free lunch.”