Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Ryan Callus spiċċa jgħid li jekk ikunu fil-Gvern ser jimlew il-kontijiet tal-bank bil-flus.
Dan meta kien qed jitkellem dwar il-wegħda li kull persuna jkollha dritt tiftaħ kont tal-bank. Wegħda li dwarha Bernard Grech qiegħed erba’ snin tard hekk kif ilha fis-seħħ sa mis-sena 2018 permezz ta’ Direttiva Ewropea.
Qal, “Ikollok pajjiż li jrid idaħħal liġi biex jinħoloq dritt li jkollok kont fil-bank. Pero, minkejja li ż-żewġ proposti huma l-istess, aħna ħa mmorru oltre. Aħna mhux biss se niġġieldu li jkollok kont il-bank, aħna se nimlew il-bank bil-flus.”
Wara Callus tkellem il-Kap Nazzjonalista, li kompla jkun negattiv.
Qal, ‘Qiegħdin naraw problemi ġejjin.”
B’diskors diviżiv sinonimu mal-billboards bl-uċuħ ħomor u blue ta’ żmien Gonzi PN, Bernard Grech spiċċa jsemmi l-kuluri.
Qal, “Nifhem li forsi l-kulur tiegħek sal-lum għadu aħmar.”
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo saħansitra spiċċa jirreferi għal-Laburisti bħala trolls.
Qal, “Dawn it-trolls Laburisti”
Il-kandidata Alessia Psaila Zammit spiċċat tibbotja lil Kap Bernard Grech li ġmielu jieħu r-ritratti fl-għelieqi jmiss jew jiekol il-frott u l-ħxejjex.
Qal, “Li tkun viċin il-bdiewa, mhux biss li tieħu ritratt ġo xi serra tiekol ikel bnin, dik il-parti faċli tal-politika.”
Fl-istess attività id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo nfexx f’tentattiv li jipprova jiġbor ġieħu mal-kaċċatturi wara li Bernard Grech qalilhom li l-kaċċa u l-insib ser jiġrilhom bħall-għonnella hekk kif in-nies qed tevolvi.
Qal, “Il-kelma tevolvi ma tfissirx li jispiċċa. L-għonnella tevolvi ma tfissirx spiċċat. Il-ħwejjeġ jevolvu bħal ma evolvew is-snieter.”
Iżda x’ħin imbagħad induna li t-tentattiv ukoll falla kellu jinfexx jattakka lill-ONE News u jgħid li l-Laburisti giddibin.
Qal, “Il-lixka giddieba, imqarqa ta’ ħażen belgħuha”.
Ironikament huwa spiċċa d-diskors tiegħu jgħolli l-programm elettorali u jappella lin-nies biex jemmnu l-manifest għaliex fih ma jiċċaqlaq xejn.
Qal, “Pero intom oqgħod attent dak li temmen. Isimgħu lilna, il-verità tinsab hawn, u minn hawn ma jiċċaqlaq ħadd.”
Wieħed ma jistax jgħid l-istess għal wegħdiet li fih, hekk kif minn meta ġie approvat mill-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista inbidel għal minn tal-inqas ħames darbiet b’bosta wegħdiet jitniżżlu darbtejn jew jibdlu posthom jum wara l-ieħor.
Il-kandidat Charles Azzopardi ukoll mexa wara l-Kap b’diskors ankrat fil-passat.
Qal, “Viva intom li tifhmu. Viva qalbna kbira. Viva l-partit. Il-partit ta’ Nazzjon. Ta’ Nerik Mizzi, ta’ Ġorg Borg Olivier, ta’ dawk kollha li ġew wara sal-lum. Nirringrazzjakom.”
Il-kandidata Nazzjonalista Josephine Xuereb ukoll spiċċat tgħid li l-Partit Laburista ma jħobbx lill-Maltin u l-Għawdxin għaliex il-Prim Ministru sejjaħ elezzjoni f’xhur kesħin.
Qalet, “Il-Partit Laburista beda l-kampanja tiegħu fl-2013, inħobb lil Malta u nħobbok. Ma tantx iħobbna għax faqqa’ elezzjoni fi Frar f’din il-kesħa.”
Hija saħansitra spiċċat tgħid kif quddiem ix-xbieha ta’ San Pawl titolbu biex jirbaħ l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista sabiex skontha jsalva lil Malta mill-għarqa.
Qalet, “Jien ħafna drabi nħares lejn San Pawl u ngħidlu rbaħt l-għarqa biex ġejt Malta, se tħalli lil Malta tegħreq? Idħol għalina.”