Il-Partit Nazzjonalista filwaqt li jattakka u joħroġ stqarrijiet fuq membri tal-Gvern, jgħid li mbagħad m’għandux jiġi kritikat hu dwar rabtiet bejn membri prominenti tal-Oppożizzjoni u s-suspettat mandat tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Fuq ix-xandir nazzjonali, waqt il-programm Realtà ma’ Brian Hansford, dak li issa laħaq bħala l-kelliem ewlieni tal-Kap Bernard Grech qal li l-kritika tal-Partit Nazzjonalista fuq ir-rabtiet ma’ Yorgen Fenech ma tgħoddx għalih.
Huwa qal, “Issa dawn bl-ebda mod nirrifjuta li jitpoġġew fuq l-istess keffa.”
Agius qal hekk quddiem il-fatt li deputati Nazzjonalisti kellhom rabtiet ma’ Fenech.
Jason Azzopardi nqabad li tħallsitlu kamra f’lukanda lussuża fl-Iżrael mill-grupp ta’ Yorgen Fenech filwaqt li Herman Schiavone u Kristy Debono nkixfu li ltaqgħu ma’ Yorgen Fenech wara li kien sar magħruf li Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black.
Fil-programm Peter Agius ipprova jkompli jwassal l-ispin tal-Kap Bernard Grech dwar il-preżentatur Mark Laurence Zammit.
Fil-fatt f’dawn l-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista intensifika l-attakki tiegħu fuq l-istazzjon nazzjonali u qal li Zammit ġie mkeċċi mill-PBS iżda stqarrija tal-kumpanija tal-midja li kienet timpjega lil Zammit, faqgħet bużżieqa f’wiċċ Bernard Grech.
Għal din l-istqarrija li ġabet fix-xejn l-għidut li bena kampanja qarrieqa fuqu, Bernard Grech, Peter Agius ma kellu l-ebda tweġiba għajr li jgħid li ma rax l-istqarrija ta’ We Media.
Il-Preżentatur stqarr: “Jien dejjem ngħid l-affarijiet kif inhuma, nsellimlu lil Mark Laurence pero ftit tal-ħin ilu u ma nafx jekk intix rajtiex, ħarġet stqarrija l-We Media.”
Peter Agius wieġeb: “Ma lħaqtx rajtha, ma lħaqtx rajtha.”
Fl-intervista ta’ kważi nofs siegħa kien hemm mument ukoll fejn fih, Peter Agius, il-kelliem uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, spiċċa ddefenda lir-Russa Maria Efimova, dik mixlija bi sperġur u gideb b’rabta ma’ Egrant.