Il-Partit Nazzjonalista saħaq li ma tistax tagħmel pjan għal ħames snin.
Dan fi żmien ta’ kampanja elettorali fejn il-partiti politiċi qed imorru quddiem l-elettorat bil-proposti u jitolbu l-fiduċja.
Jum wara li l-Partit Nazzjonalista reġa’ tella’ verżjoni ġdida tal-programm elettorali online, Ivan Bartolo qalilna li huwa aċċettabbli li jinbidel il-manifest.
Dan għalkemm ivvota fuqu l-Kunsill Ġenerali tal-Partit, liema verżjoni li vvota fuqu s’issa nbidlet diġà bejn ħames għal sitt darbiet.
Hawnhekk Bartolo spiċċa jgħid li mhux possibli li l-Partit Nazzjonalista jagħmel pjan għal ħames snin.
Ivan Bartolo sostna dan meta mistoqsi fuq wegħda li għamel Bernard Grech li hija ugwali għal dik ta’ Simon Busuttil u li l-istakeholders kienu minnufih opponew.
Mistoqsijiet li qamu fuq din il-wegħda dwar il-pensjonijiet wasslu biex saħansitra l-Partit Nazzjonalista spiċċa jħawwad il-verżjonijiet dwar proposta oħra minn tiegħu.
It-Tlieta filgħodu għamilna l-mistoqsijiet tagħna dwar din il-wegħda lil Kap Bernard Grech iżda ma kienx jaf iwieġeb.
Konxji mill-fatt li Bernard Grech ma setax jagħti tweġiba dwar din il-proposta l-Partit Nazzjonalista kien kostrett jgħajjat konferenza tal-aħbarijiet biex suppost jindirizzaw id-dettalji, iżda minnha iżjed ħarġu mistoqsijiet milli tweġibiet.
Saħansitra il-kandidat Jerome Caruana Cilia spiċċa jgħajjar lil ġurnalist bħala apoloġista tal-Partit Laburista filwaqt li qalilna li ma nafux kif jaħdmu l-affarijiet.
Madankollu, l-istess kandidat li qalilna ma nafux l-affarijiet, ma setax jispjegalna eżattament kif ser taħdem din il-proposta tagħhom stess.
Dan tant li l-kandidat Ivan Bartolo spiċċa jagħmel is-sinjali lil sieħbu biex jipprova jwieġeb hu.
Madankollu, Ivan Bartolo ftit tana tweġibiet iżjed minn sieħbu, hekk kif f’mument qalilna li l-fond għal pensjonijiet mhux ser isir mal-privat biss.
Fil-konferenza Ivan Bartolo mbagħad tilifha u b’mod patronizzanti qalilna biex ma noqogħdux ngħidulu b’dawn l-iżbalji.