Il-Partit Nazzjonalista issa qed jitkellem dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma anki jekk għamel żmien iħambaq kontra t-traħħis tal-kontijiet li ġab Gvern Laburista mill-2013 lil hawn.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-deputati David Agius u Ryan Callus infexxew f’attakk fuq il-Gvern, b’tal-aħħar jgħid li l-poplu ma jinteressahx mit-traħħis fil-kontijiet li ġab Gvern Laburista.
Il-Partit Laburista kien saħaq li l-familji Maltin u Għawdxin jafu li gawdew minn traħħis fil-kontijiet, li fisser aktar minn nofs biljun ewro fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin u li llum l-Maltin għandhom fost l-orħos kontijiet fl-Ewropa.
Dan meta ħaddieħor qal li dan ma setax iseħħ.
Fil-fatt ħaddieħor kien jiddieħaq bil-Partit Laburista u jgħid li l-wegħda tat-traħħis fil-kontijiet hija ħrafa u Alice in Wonderland.
Minflok, is-soluzzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li issa jrid inessi l-passat, kien li rridu nidraw il-kontijiet għoljin taħt Gvern Nazzjonalista.
F’Marzu tal-2010, l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech kien qal, “Mela toqogħdux tħarsu lura għax se jerġa’ jorħos għax mhux se jerġa’ jorħos mela rridu nidrawh.”