Il-Partit Laburista għaddej minn orġja ta’ patti sataniċi.
Kien dan it-tip ta’ diskors li kkaraterizza l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Bl-osservatur politiku, Paul Bonello, jiddeskrivi lill-Partit Laburista bl-aktar mod dispreġġjativ.
Qal, “Din l-orġja ta’ patti sataniċi li għaddej minnha l-PL.”
Dan id-diskors wassal għall-kundanna tal-Partit Laburista nnifsu li permezz ta’ stqarrija qal kif il-Partit Nazzjonalista sab il-qiegħ filwaqt li rrimarka kif dan l-aġir jikxef kif il-Baġit għas-sena d-dieħla li kif ppreżentat fl-aħħar ġimgħat dejjaq l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista.
Fost id-diskorsi mimlija attakki lejn kull min m’għandux l-istess fehma tagħhom, tkellem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, li reġa’ tenna li l-Partit Nazzjonalista ried li jagħmel diskussjoni fuq il-popolazzjoni.
Qal, “Nagħmlu diskussjoni nazzjonali fuq il-popolazzjoni.”
Dan minkejja li l-Gvern diġà qed jieħu azzjoni fuq il-ħaddiema barranin bħala parti mill-popolazzjoni f’pajjiżna, b’mod partikolari dawk li jaħdmu fl-oqsma tal-food couriers u tal-Y-plates.
Minkejja dawn in-nuqqasijiet fid-diskors tiegħu Bernard Grech qal hekk.
Qal, “Qegħdin hawn biex noffrulek viżjoni għas-snin li ġejjin.”
Grech qal hekk anki wara n-nuqqas ta’ pre-budget document mill-Partit Nazzjonalista u wara l-illeakjar ta’ dokument mingħajr sustanza li kellu jservi ta’ hekk.