Il-Partit Nazzjonalista qal li r-ruling tal-ispeaker fejn sab lid-deputat Jason Azzopardi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ “hu msejjes fuq konsiderazzjonijiet altament illoġiċi” u kompla jisfidah billi ressaq mozzjoni fil-Parlament.
Saħansitra akkuża lill-ispeaker li ried “isib ħtija akkost ta’ kollox” u l-Viċi-Kap Beppe Fenech Adami ressaq mozzjoni fejn talab li r-ruling għandu jkun rivedut.
Ir-ruling ingħata wara li d-deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, qal li l-Ministru Owen Bonnici gideb b’rabta mal-commission li titħallas lil Henley & Partner għall-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Iżda minn analiżi dettaljata fir-ruling tal-ispeaker, irriżulta li ma kienx il-każ u li l-Ministru Owen Bonnici mkien ma’ ħeba dwar il-commission li jitħallsu Henley & Partner b’rabta mal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.