F’dibattitu fuq ix-xandir nazzjonali fil-programm Insights, il-Partit Nazzjonalista bagħat il-kandidat Nazzjonalista Chris Micallef u saħaq li Gvern Laburista sab is-sodda mifruxa li ħallielu l-Gvern ta’ GONZIPN, li l-Kap Bernard Grech tant ifaħħar u jrid li jmorru lura lejn dak iż-żmien.
Qal, “Intom meta tlajtu fl-2013, intom kellkom minn fejn tirtu u taħdmu.”
Meta mbagħad il-Partit Nazzjonalista kien mistoqsi fuq dak li qed jipproponi għall-pajjiżna u kemm jiswew l-affarijiet, reġa’ spikka dak rifless fil-Partit Nazzjonalista, nuqqas ta’ preparazzjoni, għarfien u bla costings.
Qal, “Il-programm elettorali tagħna kulħadd jista’ jarah, il-costing huwa proċess li aħna ħa nkunu qegħdin nuru.”
Fil-porgramm, il-Ministru Byron Camilleri fakkar meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern ma kienx wettaq dak li kien wiegħed, jiġifieri t-tnaqqis fir-rata tal-income tax, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ġab skuża għax kien hemm kriżi finanzjarja, kriżi li ma toqgħodx fejn suba’ ż-żgħir ta’ pandemija globali.
In-negattività ta’ partit li jrid jieħu l-pajjiż lura kompliet tispikka, hekk kif il-kandidat Nazzjonalista mera s-sewwa magħruf.
Qal, “Fl-aħħar disa’ snin, il-Partit Laburista ma ħoloqx niċċa waħda ġdida ta’ investiment.”
Pront ippruvat tikkoreġih il-ġurnalista Maria Muscat li ġibdet l-attenzjoni li s-setturi suppost ġodda li semma Bernard Grech, mhuma ġodda xejn.
Imbagħad il-Ministru Byron Camilleri semma ftit mis-setturi li ħoloq il-Partit Laburista fil-Gvern fl-aħħar snin.
Meta mbagħad inqabad li ma kienx qed jgħid is-sewwa, il-kandidat Nazzjonalista nfexx jattakka lill-preżentatriċi tal-programm.