Tard illejla l-Partit Nazzjonalista indika li se jivvota kontra l-liġi kif proposta mill-Gvern dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Fi stqarrija, il-partit ta’ Bernard Grech qal li kkonkluda diskussjoni dwar il-liġi, wara li baqa’ qatt ma pparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika dwar White Paper li kien ħareġ il-Gvern u li fiha taw il-fehmiet bosta.
Qabel ħareġ jgħid li huwa kontra, Bernard Grech kien ried il-mertu fuq l-abbozz ta’ liġi li preżenta l-Gvern fil-Parlament dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Skont il-Kap Nazzjonalista, l-abbozz tal-liġi ħareġ bih hu u l-Gvern ikkupjah, iżda wara laqgħa tal-Grupp Parlamentari fejn deher ċar li ma kienx hemm qbil, Bernard Grech ħareġ kontra.
Dan il-fatt innutah il-Partit Laburista fi stqarrija fejn intqal ukoll li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista hi sintomatika ta’ partit b’Kap fi kriżi mingħajr ebda sens ta’ tmexxija.
Il-Partit Laburista qal li d-dibattitu dwar il-liġi tal-kannabis issa jsir fil-Parlament u l-bżonn ta’ din ir-riforma jkompli jkun spjegat fid-dettall.
“Li hu żgur hu li kellna konferma oħra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li bħal qasba tixxejjer mar-riħ, m’għandu ebda sens ta’ direzzjoni u tmexxija”, saħaq il-Partit Laburista.
Il-ġimgħa d-dieħla fil-Parlament se tiġi diskussa l-liġi fuq l-użu responsabbli tal-kannabis, fl-istadju tat-tieni qari.