Il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, Robert Cutajar, iddeskriva bħala daħk fil-wiċċ l-għotja rekord għal min hu mħajjar jibdel il-karozza tiegħu għal waħda elettrika.
Bil-budget għas-sena d-dieħla l-inċentivi għal min jixtri karozza elettrika telgħu għal ħdax-il elf ewro.
Jekk wieħed ineħħi l-karozza l-antika l-għotja titla’ għal tnax-il elf ewro.
Robert Cutajar, li kien wieħed mill-konsulenti ta’ Lawrence Gonzi meta ta ħames bozoz għax kienu żdiedu l-kontijiet tal-enerġija, qal hekk dwar din l-inizjattiva: “€11,000 huwa daħq fil-wiċċ.”
Din id-dikjarazzjoni kienet konsistenti mal-kritika qawwija li l-Partit Nazzjonalista għamel għall-budget li kien deskritt bħala l-iktar wieħed b’miżuri soċjali u ambjentali.
Saħansitra l-Oppożizzjoni ddeskrivitu bħala wieħed ta’ tberbiq ta’ flus.
U filwaqt li kien aħrax fuq kull m’għamel il-Gvern, Cutajar reġa’ għażel li ma jgħidx x’jagħmel hu: “Ġaladarba jingħata l-fiduċja mill-poplu Malti, aħna mhux se nixxaħħu. From day one”
Il-Ministru Aaron Farrugia staqsa: Fejn hu l-pjan?
Cutajar stqarr: “Issa ngħidlek fejn hu l-pjan.”
Robert Cutajar għamel programm sħiħ jiddefendi r-rekords ta’ żmien Gvern Nazzjonalista, bil-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia jfakkar x’kien dak ir-rekord.
Huwa sostna: “Il-poplu Malti iridu nkunu kredibbli miegħu. Ma nistgħux nkunu l-Gvern kreddibli jekk nkunu l-Gvern tal-heavy fuel oil jew tal-Marsa powerstation, bil-faħam. Dak huwa l-wirt storiku, il-legat ta’ Gvern Nazzjonalista. Aħna għandna pjan li nwettquh jum wara jum.”