Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-kapijiet kollha tiegħu.
Kienet din waħda mill-ħafna dikjarazzjonijiet li dawret l-uċuħ waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żejtun u li fiha tkellmu l-kandidati li se jikkontestaw fuq it-tielet distrett.
Wieħed minn dawn il-kandidati kien fil-fatt Errol Cutajar, li tenna kif in-Nazzjonalisti dejjem emmnu fil-kapijiet kollha tagħhom, anki jekk sa sentejn ilu, f’nofs pandemija, l-establishment Nazzjonalista qaċċat lil Adrian Delia u poġġa lil Bernard Grech, bħala Kap.
Qal, “Għaliex aħna bħala Nazzjonalisti dejjem emminna fil-kapijiet kollha tagħna, fil-kapijiet kollha tal-Partit Nazzjonalista.”
Id-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici indirizza wkoll l-aħħar kriżi tal-Partit Nazzjonalista propju fl-ewwel jum tal-kampanja fejn rtiraw il-kandidatura tagħhom erba’ kandidati prominenti.
Fosthom kien hemm Mario Galea li fi stqarrija qal li dawk qrib it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għamlulu ħajtu ferm, tant li saħansitra għajruh bis-saħħa mentali tiegħu.
Carmelo Mifsud Bonnici semma t-tbatija li sab ma’ wiċċu Galea.
Qal, “Ħafna nies hawn fiż-Żejtun jafu minn xiex għadda Mario u ħafna min nies jafu kemm Mario bata.”
Fl-istess diskors ma’ kienx jonqos li kandidat ieħor tal-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-passat tal-istess Partit.
Qal, “Il-passat tagħna ma jħammrilniex wiċċna.”