Il-Partit Nazzjonalista qal li daħħal il-proposti fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi.
Huwa qal dan minkejja li ġie żvelat kif fil-fatt, l-istess partit ma pparteċipax f’din il-konsultazzjoni wiesgħa b’rabta ma’ setturi importanti f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista mera s-sewwa magħruf u qal bil-kontra ta’ dak li verament għamel, permezz tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina li mal-mikrofonu ta’ ONE News qal li l-Partit Nazzjonalista, xeba’ jressaq proposti.
Toni Bezzina qal “Xbajna nressqu proposti sa mill-elf, elfejn u dsatax.”
Mhux talli hekk talli meta l-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon ikkoreġa lid-Deputat Nazzjonalista li mhux minnu ssottometta ideat fil-konsultazzjoni, Toni Bezzina qal li l-Partit Nazzjonalista għamel dan.
Toni Bezzina qal “Daħħalna, daħħalna.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet ikompli jikkonfermaw l-inkonsistenza tal-Partit Nazzjonalista dwar din il-materja tant importanti għal pajjiżna.
Inkonsistenza li dehret f’mistqosijiet li wieġeb id-Deputat Stephen Spiteri meta sostna li fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ġie diskuss il-fatt li kellu jieħu sehem fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi.
Dan minkejja li l-istess konsultazzjoni baqgħet ma rat l-ebda sottomissjoni mill-Partit Nazzjonalista.
Stephen Spiteri qal“Iddiskutejna dan kollu fil-Grupp Parlamentari.”
Iżda din l-inkonsistenza ma tieqafx hawn hekk kif id-Deputat Stanley Zammit ftit tal-ġimgħat ilu, tenna li l-Partit Nazzjonalista kellu sal-21 ta’ April biex jitfa’ s-sottomissjoni tiegħu.
Indikazzjoni ċara tal-intenzjoni ta’ Zammit li jieħu sehem f’din il-konsultazzjoni, madankollu għal xi raġuni, intenzjoni li qatt ma mmaterjalizzat.
Stanley Zammit – “Il-liċenzjar ta’ kuntratturi qegħdin fi proċess ta’ konsultazzjoni. Aħna u l-istakeholders kollha.”
Ġurnalist – “Ilha iktar minn ġimgħa imma u għadkom qas ħadtu pożizzjoni.”
Stanley Zammit – “Għandna jekk mhiniex sejjer żball sal-21 ta’ April.”
Intant, quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet kuntrastanti li jkomplu jikkonfermaw in-nuqqas ta’ ideat u pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq suġġett daqstant importanti, Deputati Nazzjonalisti oħrajn, ma kellhomx għażla ħlief ma jweġbux għal mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon.
Dan għall-kuntrarju tal-Kap Nazzjonalista li sostna kif il-Partit Nazzjonalista m’għandux għalfejn jipparteċipa f’dawn it-tip ta’ proċessi mill-Gvern.
Il-kap Nazzjonalista Bernard Grech qal “Aħna m’għandniex għalfejn nipparteċipaw fi proċess
Imbgħad qal“Ma jfissirx li nagħmlu sottomisjonijiet lill-Gvern.”