Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ħareġ bil- wegħdiet, mingħajr dettalji u qiegħed jgħid li se jagħti d-dettalji meta jkun fil-Gvern.
Dan intqal mill-kandidat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut fuq il-programm Realtà fuq ix-xandir nazzjonali.
PREŻENTATUR: Din tal-€10,000 li tagħtu jekk persuna jirritorna l-karozza. Għandi żewġ mistoqsijiet. Jekk ikollu żewġ karozzi u jirritorna waħda minnhom, ħa jieħu l-€10,000 xorta? U jekk dik il-persuna ħa tibqa’ ssuq, ma ssuqx dik il-karozza, imma ssuq karozzi oħra, jiġifieri ħa tkun ħadet €10,000 xorta? Għaliex tkun tat il-karozza. Kif ħa tkun taf li dak qed juża t-trasport alternattiv, għax intom qegħdin tgħidu li ħa tagħtu l-€10,000 jekk dak il-persuna jirritorna lura l-karozza u juża trasport alternattiv?
MARK ANTHONY SAMMUT: Id-dettalji ta’ kif jitħaddmu l-iskemi naturalment se jkunu qed jitħabbru meta eventwalment inkunu fil-Gvern.
Din id-dikjarazzjoni tkompli tikkonferma kif Bernard Grech qed ikun bħal ta’ qablu.
Simon Busuttil kien jgħid l-istess fl-2017 dwar il-wegħdiet tiegħu bla dettalji u li kien jgħidhom meta jingħata l-fiduċja.
L-istess ġara fuq il-costings, fejn għat-trackless tram, il-kandidat Nazzjonalista u President tal-Kunsill Ġenerali, Mark Anthony Sammut, weħel.
PREŻENTATUR: Il-fondi minfejn se ġġibuhom?
MARK ANTHONY SAMMUT: … Il-fondi … il-fondi li ħa jkun qed jinvesti fihom il-pajjiż.
Waqt dan il-programm, il-kandidat Nazzjonalista qal kif il-Partit Nazzjonalista kellu biss programm elettorali wieħed, anki jekk it-Times innutat wegħdiet doppji bl-istess kliem u wegħdi li qed isemmi Bernard Grech iżda lanqas biss issibhom fil-programm elettorali.
Fejnhom dawn is-sitt verżjonijiet? Jien verżjoni waħda għandi u verżjoni waħda ħriġna.
Imbagħad Sammut kritika l-costings tal-Partit Laburista anki jekk tal-Partit Nazzjonalista baqa’ ma tahomx f’programm sħiħ.
MARK ANTHONY SAMMUT: Byron semma li huma kkostjawh u swiehom €3.3 biljun, qed jgħid u jippretendi li nemmenuhom għax sempliċiment tawna figura.
BYRON CAMILLERI: Mark staqsa min għamel il-costings fil-programm elettorali. Jiena ngħidlek li żġur mhux Bernard Grech għamel il-costings għax qas kien kapaċi jagħmel 25% ta’ 100,000.
Hawnhekk il-Ministru Byron Camilleri nnota kif il-Partit ta’ Bernard Grech bil-verżjonijiet differenti tal-programm elettorali mhuwiex jaħseb f’dawk li jaqilgħu inqas.
“Aqbdu l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista u araw isibux referenza għat-tax credits, ma ssibux. Tafu għalfejn għaliex il-ħsieb tal-Partit Nazzjonalista huwa li min jaqla ħafna jgħinuh u tajjeb għax jiena naqbel għax min jaqla jeħtieġ ngħinuh ukoll għax qed jikkontribwixxi ħafna għall-ekonomija. Però min jaqla ftit jinsewh għax ma jinteressahomx min jaqla ftit.”