Dione Borg, persuna fil-Partit Nazzjonalista qrib il-Kap Adrian Delia, qal li huwa l-partit li ma riedx lil Charlot Cassar u għalhekk irriżenja. Waqt il-programm Għandi Xi Ngħid dalgħodu Dione Borg qal li tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, u dan infurmah li lil Cassar ma riduhx jerġa’ jkun kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Mistoqsi fuq is-sehem ta’ Cassar fil-lokalità u anke fuq dibattitu nazzjonali, Dione Borg qal li Charlot Cassar mhux team player u għalhekk ma jriduhx kandidat. Charlot Cassar irriżenja mill-Partit Nazzjonalista lbieraħ, iżda qal li se jkun qed ikompli jservi fil-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn bħala kunsillier indipendenti.
F’imejl li bagħat dwar ir-riżenja tiegħu, Cassar qal li l-għan ewlieni tiegħu hu li jservi lin-nies, fejn qal li jrid ikun onest, leali u fost oħrajn trasparenti. Kien għalekk, hu qal, li ħass li m’għandux ikun parti mill-Partit Nazzjonalista.
Lura f’Ottubru, Cassar kien talab lill-kumitat amministrattiv tal-partit biex jieħu l-passi neċessarji dwar l-allegazzjonijiet li kienet għamlet il-blogger Daphne Caruana Galizia kontra l-Kap tal-PN Adrian Delia, liema allegazzjonijiet imorru lura għall-2003.
Fi tweet, id-deputat Karol Aquilina sostna li l-Partit Nazzjonalista tilef persuna valida minħabba li huwa jimxi fuq il-valuri li jħaddan. Diskors li huwa botta ċara għall-Amministrazzjoni ta’ Adrian Delia, Clyde Puli u Pierre Portelli.
Cassar li kien imbutatt ħafna fl-aħħar elezzjoni ġenerali minn Simon Busuttil.