Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-midja tiegħu, spinja dak li qal il-Kummissarju Ewropew Malti Glenn Micallef f’tentattiv li joħloq kuntrast mal-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-pjan ta’ difiża tal-Unjoni Ewropea.
Dan f’artiklu fuq NET News fejn ikkwota parti żgħira minn intervista li poġġa għaliha Glenn Micallef fuq l-istazzjon nazzjonali.
Is-silta, li kkwotat il-midja Nazzjonalista, kienet ukoll parti żgħira mit-tweġiba kollha li ta Micallef.
Madankollu dan sar bi skop ċar biex din il-parti tat-tweġiba tkun tista’ tittieħed barra mill-kuntest tagħha u tagħti x’jifhem li Micallef, b’differenza mill-Prim Ministru, hu favur il pjan tax-xiri tal-armi u l-munizzjon bl-isem ‘ReArm Europe’.
Fis-silta li kkwota, NET News ġab biss kif Micallef qal li “s-settur tad-difiża hu settur li jista’ joħloq opportunitajiet ekonomiċi.”
Iżda, Micallef ma waqafx hawn, hekk kif elenka numru ta’ opportunitajiet li jistgħu jinħolqu.
Qal, “Il-capabilities tagħna li jkollna portijiet, pereżempju, adegwati. Li jkollna sistemi li jipproteġu l-cables tagħna. Aħna għandna bħala pajjiż ukoll f’Malta cables li jgħaqqduna u li niddependu fuqhom għall-elettriku għaddej ma’ partijiet oħrajn tal-kontinent Ewropew. Irridu naraw li dawk is-sistemi jkunu protetti. L-infrastruttura tal-ilma, jeħtieġ li niddefendu dawn l-infrastrutturi? Niddependu fuqhom, huma kritiċi, mela hemmhekk irridu nħarsu kif noħolqu opportunitajiet f’dawk l-oqsma biex ikun hemm impjiegi ta’ kwalità hemmhekk ukoll”.
Micallef madankollu sostna li dan ma jfissirx li n-nefqa ta’ pajjiżna tmur għal armi u munizzjon.
Qal, “Rajna li kellna madwar 400,000 persuna li ma nistgħux insibu ħiliet għalihom, kellna shortage ta’ 400,000 persuna li nimpjegaw f’dawn is-sistemi biex nipproteġu l-isptarijiet tagħna. Mela allura dik hi opportunità, ma tinvolvix armamenti, imma tinvolvi s-sigurtà fl-isptarijiet. Bħal dawn jista’ jkollok setturi oħrajn”.
Dan l-istess sentiment kien rifless fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela fejn sostna li pajjiżna qatt mhu se jissellef jew jinvesti flus fi ħdan il-pjan tal-Unjoni Ewropea favur difiża li tinvolvi x-xiri ta’ armi u munizzjon.