L-arkitetti tal-pjanijiet lokali tal-2006, li bihom art verġni daqs is-Siġġiewi spiċċat ingħatat għall-iżvilupp, huma dawk l-aktar qrib Bernard Grech u li jfasslu l-politika ambjentali tal-Partit Nazzjonalista.
Esponiet dan il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard waqt dibattitu politiku mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, fuq programm immexxi mill-Professur Andrew Azzopardi mxandar fuq ir-radju tal-Knisja.
Dr Ramona Attard irrimarkat kif l-imħuħ wara id-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq l-estensjoni tal-pjaniet lokali kienu żewġ persuni qrib l-eks Ministru George Pullicino u li llum huma prominenti sew fit-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Hija qalet, “Fit-2006 sar ir-rationalisation li permezz tiegħu għad ta’ artijiet spiċċaw f’żoni ta’ żvilupp u rrid inkun ċara. Joħroġ Bernard Grech li lanqas jitlob apoloġija. Mhux talli ma jitlobx apoloġija talli jappunta ż-żewġ awturi ta’ dak ir-rationalisation kienu Chris Ciantar u Ray Bezzina. Ray Bezzina taf li huwa r-right hand man tal-Kap tiegħek Bernard Grech u Chris Ciantar huwa l-appuntat tal-PN fuq l-ERA. Daqshekk dawn tmisshom qalbhom għall-ambjent.”
Dr Attard baqgħet tagħfas lil Piccinino biex jitlob apoloġija għall-isfreġju ambjentali li sar kawża tad-deċiżjonijiet meħuda minn Ciantar u Bezzina, illum żewġ gallopini li jaħlef bihom Bernard Grech.
Minflok Piccinino għaraf il-ħsara li saret fl-ambjent kawża ta’ deċiżjonijiet irresponsabbli, huwa spiċċa jfaħħar lil Ray Bezzina.
Meta Dr Ramona Attard stqaqsietu: “Tiċħad li huwa jmexxi kollox?”
Michael Piccinino wieġeb: “Iva niċħad. Ray Bezzina ovjament għandu rwol importanti ħafna għaliex jgħin fl-uffiċċju tal-Kap. Iva għandu rwol importanti ħafna u nagħtu valur għal dak l-irwol.”
Ramona Attard sostniet: “Proset faħħru.”
Michael Piccinino tenna: “Iva nfaħħru għax jagħti rwol tajjeb ħafna.”
Id-dikjarazzjoni ta’ Piccinino li tinċensa lil Bezzina, il-pont tal-establishment ma’ Bernard Grech, tkompli ma’ dak li qal Bernard Grech aktar kmieni din il-ġimgħa, li kkonferma kif fuq l-ambjent il-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda kredibilità u baqa’ ma biddel xejn mill-politika tiegħu.
Fil-fatt il-Kap Nazzjonalista spiċċa jiddefendi d-deċiżjoni tal-partit tiegħu dwar l-estensjoni ta’ żoni ta’ żvilupp.
Huwa kien qal, “Ma naqbilx miegħek meta inti ssemmi li l-eżerċizzju tar-razzjonalizzazzjoni tal-2006 kien xi eżerċizzju li għamel il-ħsara.”
Intant tul l-intervista, Michael Piccinino ma żammx lura milli jitfa’ botta u jwaħħal il-ħażin kollu li ġara fil-partit, fl-eks Kap Adrian Delia.
Iż-żmien ta’ tmexxija ta’ Delia, is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista attwali fissru bħala wieħed li ġab l-uġigħ.
Piccinino kompla jgħid: “Anke minħabba l-passat riċenti li kulħadd jaf x’ġara li naħseb li fetaħ ċertu wġigħ fil-Partit Nazzjonalista.”