Il-Partit Nazzjonalista jerga’ jiżloq fin-niexef: jipproponi xi ħaġa ġimgħa wara li kienet saret diġa’ mill-Gvern. Il-faqar tal-Partit Nazzjonalista fejn jidħlu ideat u proposti ħareġ biċ-ċar bi stqarrija li ppubblika llum il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Xogħol u Djalogu Soċjali Clyde Puli.
F’din l-istqarrija, id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli jipproponi pjan studjat għall-possibbilita’ tal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel f’Settembru li ġej u lil hinn.
Din l-istqarrija ħarġet eżatt ġimgħa wara li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kien ħabbar qafas ta’ tħejjija għall-eventwali ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel mis-sena akkademika li jmiss.
Kien ġie spjegat mill-Gvern li l-qafas tfassal fuq il-mudell propost min-Nazzjonijiet Uniti. L-għan ta’ dan il-qafas ta’ tħejjija, li kien beda jiġi studjat minn ġimgħat qabel flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa, kien propju li, fi spirtu qawwi ta’ konsultazzjoni, jippjana ghal kull xenarju probabbli.
Dan il-qafas ta’ tħejjija u l-konsultazzjonijiet li saru fi ħdanu ġew imfaħħra anke minn uħud mill-isħab soċjali li tkellmu f’seminar organizzat mill-Partit Nazzjonalista stess u kien ġie diskuss ukoll fl-aħħar laqgħa tal-Ministri tal-Edukazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li saret it-Tnejn li ghadda.
Il-Partit Laburista jsellem il-proattivita’ tal-Ministeru ghall-Edukazzjoni u x-Xogħol mill-bidu nett taċ-ċirkostanzi straordinarji li ġabet magħha l-imxija tal-COVID-19 ħa l-aħjar deċiżjonijiet fl-interess tal-istudenti u l-edukaturi kollha.