Clyde Puli spiċċa jakkuża lil ġurnalist ta’ ONE News li qed jimmonta l-konġetturi fil-konfront ta’ Adrian Delia u Jason Azzopardi.
Dan meta l-ġurnalist ikkwota artiklu tal-Lovin Malta, is-sit li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien jitmexxa mill-campaign manager ta’ Bernard Grech, li allega kif Adrian Delia kien tkellem ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari dwar l-aħħar żviluppi fuq 17 Black.
Wara li fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista, Repubblika u Manuel Delia ddefendew lil Jason Azzopardi fuq ir-rigali l-“ġodda” li ħa fosthom coffee morning imħallas minn Yorgen Fenech lejliet elezzjoni ġenerali, il-ġurnalist ta’ ONE News staqsa hekk.
Iżda d-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli li minn dejjem kien qrib tal-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia ma ħax l-istess pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, dik li jarmi lil Adrian Delia u jiddefendi lil Jason Azzopardi.
Konxju li jekk ma jiddefendix lil Jason Azzopardi jkun qed jikteb il-kundanna tiegħu mal-establishment Nazzjonalista huwa spiċċa jgiddeb il-fatti u jiddefendihom it-tnejn.
Dan filwaqt li nfexx jakkuża lill-ġurnalisti li qed jimmontaw il-konġetturi.
Qal, “Fuq kull wieħed minn sħabi m’għandix problemi ssemmi lil Adrian Delia, lil Jason Azzopardi, tista’ ssemmi lil min trid. Jekk għandkom xi ħaġa li taħsbu li hi ħażina, lil hinn mill-konġetturi u l-artikli kkuluriti.”
Il-Partit Nazzjonalista u l-għaqda Repubblika ddefendew lil Jason Azzopardi li ġmielu jiddandan f’lukandi u ikliet minn fuq dahar l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Intant Puli kompla jisħaq li r-rabtiet ta’ deputati Nazzjonalisti ma’ Yorgen Fenech għandhom ikunu skużati.
Bħal Robert Aquilina ta’ Repubblika, Clyde Puli beda jgħid li hemm livelli differenti ta’ ħażin.
Qal, “Laqgħat ta’ ċerti nies kienu ħafna iktar heavily loaded minn laqgħat ta’ nies oħrajn illi jsiru b’mod regolari.”