Il-Partit Nazzjonalista baqa’ mhu komdu xejn jiddiskuti r-riforma fil-liġijiet li jirregolaw l-użu tal-kannabis.
Wara li l-Kap Bernard Grech, naqas li jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ ONE News u jiddikjara l-pożizzjoni tal-grupp parlamentari, issa l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg ma ħaditx sehem fil-programm Xtra.
Il-Preżentatur stqarr: “Xtaqna li jkollna l-kelliem tal-Oppożizzjoni. Imma nqalgħet biċċa xogħol marbut mal-parlament u Claudette Buttigieg ma setgħetx tkun hawn.”
Huwa normali ħafna li meta ma jkunx jista’ kelliem jintbagħat ieħor minfloku.
Iżda, il-Partit Nazzjonalista li l-ħin kollu jilmenta u jallega li hemm żbilanċ fuq l-istazzjon nazzjonali pprefera jħalli siġġu vojt.
ONE News jista’ jikkonferma li dan seħħ għax il-Partit Nazzjonalista għadu ma ddiskutiex bis-serjetà din ir-riforma u kien qed jittama li jevita għal kollox din id-diskussjoni.
Fid-dawl li kien beda jemmen l-ispin tiegħu stess li jista’ jkun ġejja elezzjoni, kienet ittieħdet deċiżjoni konxja li ma jingħad xejn, bit-tama li d-dibattitu parlamentari ma jilħaqx isir.
Iżda, issa l-Partit Nazzjonalista irid jiddeċiedi. Hemm min qed jagħti l-parir li l-Partit Nazzjonalista jivvota favur ta’ bilfors u bħalma ġara fl-emendi għal-liġi tad-divorzju fil-parlament ma jitkellem ħadd ħlief il-Kap. Għax hekk biss ma tidhirx il-firda.
Oħrajn qed jgħidulu li b’dik il-mossa kulħadd induna li l-vot favur għal bidla fil-liġi tad-divorzju kien wieħed sfurzat u ta’ konvenjenza iktar milli konvinzjoni.
Hu x’inhu, sal-lum Grech qed jevita li jiddikjara pożizzjoni: “Aħna nibqgħu niddiskutu kull ma jkun hemm bżonn u nibqgħu noħorġu anke pożizzjonijiet, u anke kif nixtieq…”
Meta kien mistoqsi: X’inhi l-pożizzjoni mela? X’inhi l-pożizzjoni?
Bernard Grech wieġeb: “Irridu li pajjiżna jimxi ‘l quddiem.”
Meta reġa’ kien mistoqsi: “X’inhi l-problema tgħidilna l-pożizzjoni x’inhi imma? Għaliex mhux tgħidilna l-pożizzjoni?”
Bernard Grech qal, “Iktar tard tkunu tafu.”
Grech reġa’ kien mistoqsi: “Għaliex iktar tard mhux illum?”
U fl-istess ħin Bernard Grech qal li l-Gvern ikkopja lilu bil-proposti li għamel.
Din ir-riforma waslet sal-parlament wara konsultazzjoni twila minn naħa tal-Gvern u l-pubblikazzjoni ta’ White Paper li għaliha reaġixxew mijiet ta’ persuni.
Fost l-entitajiet ewlenin li ma taw ebda opinjoni kien hemm il-Partit Nazzjonalista. Saħansitra Bernard Grech qal fuq il-Fosos li ma kienet ippubblikata ebda white paper.
Hawnhekk Grech stqarr: “Mhux kif għamel dan il-Gvern rigward il-kannabis, lanqas White Paper ma ħareġ.”
Dan minkejja li l-White Paper għamlet ġimgħat miftuħa għar-rispons tal-pubbliku.