Tlett ijiem qabel l-Indipendenza, il-gazzetti tal-Ħadd komplew jinnutaw l-apatija li qed tiddomina fi ħdan il-partit fl-Oppożizzjoni.
Fix-xahar li jitfakkru l-avvenimenti tal-1964, l-editorjal tal-Independent innota kif minn dawkinhar ’l hawn, il-Partit Nazzjonalista dejjem uża t-tielet ġimgħa ta’ Settembru biex juri l-forza tiegħu; bil-qofol tal-attivitajiet kien jintlaħaq b’mass meeting lejliet l-Indipendenza.
Dan kollu nbidel mill-2013 ’l hawn, wara t-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista dik is-sena, meta l-attivitajiet tal-Indipendenza tilfu r-ritmu u l-attendenza bdiet tonqos.
L-editorjal innota kif wara sentejn ta’ pandemija mingħajr ebda attività tal-massa, wieħed kien jistenna programm mimli daqs bajda ta’ attivitajiet kif kienu jsiru qabel. Iżda din is-sena mhu se jsir xejn.
Din is-sena, il-partitarji Nazzjonalisti qed jiġu mistiedna biex lejliet l-Indipendenza, jinġabru madwar il-monument li jfakkar din il-ġrajja storika u jisimgħu messaġġ mill-Kap tagħhom.
F’dan il-kuntest, l-editorjal saħaq fuq il-bżonn ta’ Oppożizzjoni b’saħħitha, għaliex illum tant hi dgħajfa li lanqas hija kapaċi ssejjaħ mass meeting minħabba l-biża’ li ma jmorrux nies.
L-istess sentiment esprimieh l-eks editur tal-Indipendent, Noel Grima, li f’artiklu fuq l-istess gazzetta, innota d-differenza bejn il-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena u dawk tal-passat.
Bit-titlu “Il-Partit Nazzjonalista huwa mejjet daqs ir-Reġina”, Grima kiteb li din is-sena m’hemm xejn u l-partit huwa mejjet. Qal li probabbli ilu mejjet imma ħadd ma nduna, iżda issa hija ċara.
Tant hu hekk, li postu f’konverżazzjonijiet u dibattiti nazzjonali ħaduh blogs, nies oħra u organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Intant, l-opinjonista Anna Marie Galea kellha messaġġ għall-politiċi: li l-pjattaformi tal-midja soċjali tagħhom mhumiex bużżieqa żgħira privata; u ma jifhmux kemm kliemhom iġorr piż.
F’artiklu fuq is-Sunday Times, irreaġixxiet għal dak li qal id-Deputat Nazzjonalista żagħżugħ, Alex Borg wara l-Gozo Pride, li kkritika lill-Prim Ministru talli wiegħed aktar servizzi għal persuni LGBTIQ.
Kitbet li ma tifhimx kif tista’ tattendi attività favur dawn il-persuni u f’inqas minn ġimgħa wara, toħloq argument li jerġa’ jitfagħhom f’faxxa daqslikieku għandhom xi ħaġa inqas minn ħaddieħor.
Kitbet li xi ħadd żagħżugħ bħal Alex Borg jitkellem b’dan il-mod ma jagħmilx ġieħ lill-futur tal-Partit Nazzjonalista.
Qalet ukoll li jekk dan huwa l-aħjar li jista’ joffri l-Partit Nazzjonalista, tittama li s-siġġijiet tal-Oppożizzjoni fil-Parlament huma komdi għaliex b’dir-rata, baqagħlhom isaħħnuhom għal żmien twil.