Wara li l-Gvern attwali Laburista wettaq l-obbligu, f’isem il-Public Broadcasting Services, biex iħallas pagamenti fl-ammont ta’ madwar ħames punt ħames miljun ewro b’rabta ma’ skema tal-pensjoni li ħolqot inġustizzji sa mis-snin sebgħin, il-Partit Nazzjonalista ħareġ jattakka lill-Gvern.
Permezz ta’ stqarrija, iffirmata mill-Kelliema Claudette Buttigieg u Ivan Bartolo, il-Partit Nazzjonalista attakka lill-Gvern li qagħad ikaxkar saqajh qabel mexa ma’ deċiżjoni tal-Qorti.
Fil-verità d-deċiżjoni tal-Gvern, kif imwegħda wkoll fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien, irrimedjat għal inġustizzja antika li tul ħamsa u għoxrin sena ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti bejn l-1987 u l-2013 baqa’ qatt ma indirizzaha.
Fil-fatt il-kawża fil-Qorti kienet infetħet mill-eks ħaddiema tal-PBS fl-2010, waqt li nqatgħet seba’ snin wara. Hawnhekk kien tressaq appell mill-PBS, li dam ikarkar sas-sena li għaddiet.
Issa permezz tal-intervent tal-Gvern, li daħal għall-obbligu tal-PBS, aktar minn sebgħin eks ħaddiem jew qrabathom qed jirċievu dak li kien dovut lilhom abbażi ta’ ftehim kollettiv milħuq fl-1976 bejn il-General Workers’ Union u Xandir Malta u oħrajn li qabel kienu impjegati mal-grupp tal-kumpanija Rediffusion.