Il-ġlied fil-Partit f’tal-Pietà issa kompla jintensifika bla rażan hekk kif fi stqarrija li ħareġ, il-Partit Nazzjonalista attakka lid-deputat tiegħu, Jason Azzopardi.
Fl-istqarrija ffirmata mill-Viċi Kap David Agius u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista stqarr li jinsab sorpriż kif id-Deputat Jason Azzopardi qal mal-midja li kien injorat mill-Kap tiegħu Adrian Delia għal tliet snin sħaħ fuq mozzjoni privata li ressaq hu.
Il-Partit Nazzjonalista spjega kif Jason Azzopardi ressaq private members bill mingħajr ma’ kkonsulta mal-kumplament tas-27 membru l-oħra tal-Grupp Parlamentari kif isir minn kull deputat qabel tiġi ppreżentata mozzjoni jew liġi simili.
Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia kompla jwieġeb bi kliem konfrotattiv ma’ Jason Azzopardi u semmielu l-mozzjonijiet u l-liġijiet li resqu bil-firma ta’ Azzopardi.
Il-Partit tal-maduma qal li l-grupp parlamentari approva li jitressqu numru kbir ta’ mozzjonijiet li jirriżulta li kien l-istess Jason Azzopardi li ffirmahom.
Qal li Jason Azzopardi ċertament li tħalla jaħdem, tant li kien l-aktar deputat li ressaq mozzjonijiet fl-aħħar snin u anke kien firmatarju ta’ mozzjonijiet u liġijiet privati li tagħhom hu ma’ kienx direttament responsabbli jew ma kinux jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar li fl-aħħar tliet snin, taħt it-tmexxija ta’ Delia, Jason Azzopardi ngħata żewġ dekasteri li jistgħu jitqiesu fost l-aktar importanti fil-ħidma tal-Oppożizzjoni, dawn kienu l-ambjent u l-ġustizzja.
Intant fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Jason Azzopardi wieġeb u qal lill-Partit Nazzjonalista biex jiddeċiedi.
Qal li jew jgħidulu li deputat għamel bsaten fir-roti jew ħadem ħafna.
Qal li jew waħda jew l-oħra u ma jistax ikun it-tnejn f’daqqa.