Jekk istituzzjoni ma tatiex ir-riżultat li l-Partit Nazzjonalista jrid, jattakkaha jew jipprotesta. Jekk togħġbu d-deċiżjoni imbagħad jużaha biex jattakka l-ħaddieħor.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn innota li l-Partit Nazzjonalista għamel hekk mal-Qorti, hekk għamel mal-Awtorità tax-Xandir, hekk għamel mal-Ispeaker u issa hekk qed jagħmel mal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Il-Partit Laburista qal li l-istituzzjonijiet, huma min huma, għandhom jiddeċiedu skont is-sewwa u f’serenità, u m’għandhom jaqgħu għall-ebda theddid tal-Partit Nazzjonalista jew l-establishment li jmexxih, li saru jehdew f’sensiela ta’ rapporti frivoli basta jiftħu rapport kontra kull min jagħmel parti mill-Gvern.
Jekk l-istituzzjonijiet jiddeċiedu skont min isawwathom l-iktar ikunu qed jagħmlu inġustizzja u mhux ġustizzja. “Inġustizzja li m’għandiex tkun tollerata”, temm jgħid il-Partit Laburista.