Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kap Bernard Grech u x-Shadow Minister Karol Aquilina ħareġ jattakka lid-Deputat tiegħu stess Joe Giglio u dan billi uża storja ta’ żagħżugħ li għaddejjin proċeduri b’rabta ma’ allegat bejgħ ta’ malware fuq id-dark web biex jintuża għal hacking.
Bil-kejl ta’ Bernard Grech u Karol Aquilina, Joe Giglio għamel xi ħaġa li hi inaċċettabbli meta kien inizjalment l-avukat ta’ Daniel Joseph Meli, iż-żagħżugħ akkużat, u bil-parir tal-avukat dan Meli fil-bidu aċċetta li jiġi estradit l-Amerka.
Dan wara li kien imfittex mill-FBI fuq danni li allegatament għamel fuq ċittadini Amerikani.
Meli mbagħad kien biddel lil Giglio bħala avukat difensur tiegħu u ħadem b’avukati oħra biex jappella mill-azzjoni ta’ estradizzjoni, bil-ġenituri tal-akkużat jgħidu wkoll li kien żball li binhom aċċetta li jiġi estradit.
Dwar din il-kwistjoni issa hemm appell Kostituzzjonali wara deċiżjonijiet mogħtija fil-Qrati.
Intant issa stqarrija pubblika tal-Partit Nazzjonalista ħarġet biex timbarazza lil Giglio, b’imkejjen jgħidulna li l-istqarrija ta’ Karol Aquilina ma’ Bernard Grech urtat ħafna lil Joe Giglio, li fir-re-shuffle tax-Shadow Cabinet li kien għamel Grech fil-bidu tas-sena kien neħħielu l-portafoll tal-intern.
Joe Giglio jinsab irrabjat li mhux biss qed jitħalla barra minn konferenzi tal-aħbarijiet marbuta mas-suġġett tiegħu iżda issa mhux darba jew tnejn dikjarazzjonijiet pubbliċi fosthom mill-Kap Bernard Grech u Karol Aquilina qed jimbarazzawh u jattakkawh fil-beraħ.
Tant mhiex l-ewwel darba li Giglio qalaha mill-partit tiegħu stess li skont il-Partit Nazzjonalista, Giglio ddefenda tender maħruġ meta kien l-avukat ta’ kumpanija li forniet dgħajjes lil Transport Malta, li l-istess Awtorità ma kinitx kuntenta bihom u ma ħallsitx għalihom.
Dakinhar il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrijiet jattakka l-ftehim fuq id-dgħajjes magħrufa bħala rhibs, li beda jiddefendi l-kumpanija biex din titħallas fuqhom ħadd ħlief Joe Giglio.
Fil-ġimgħat li għaddew ukoll Giglio spiċċa fi ġlieda taħraq propju dakinhar li ħareġ ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fi group chat tal-grupp parlamentari Nazzjonalista qamet ġlieda taħraq bejnu u Eve Borg Bonello.
Il-kontenut taċ-chats kienu żvelati mis-sit Lovin Malta u Giglio kkonferma l-ġlied li kien qam.
Lanqas il-Kap Bernard Grech ma kien irnexxielu jwaqqaf u jżomm Deputati oħra li ġibdu naħa jew oħra fost tgħajjir bejn Borg Bonello u Giglio.
Imbagħad kellu jkun il-Whip Robert Cutajar li għalaq iċ-chat.