Huwa ironiku li wara li fl-2008 il-Partit Nazzjonalista mar jibni impjant fil-Mellieħa iżgħar minn dak li l-pajjiż kellu bżonn, illum irid iwaqqaf dan il-proġett ambjentali li l-pajjiż għandu bżonn għall-immaniġġjar tal-ilma.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jipprova jħammeġ il-ħidma tal-Gvern, fil-verità, dan il-proġett importanti huwa pożittiv u essenzjali għat-trattament tad-drenaġġ u biex jissaħħaħ in-New Water propju għall-bdiewa filwaqt li pajjiżna jissodisfa l-obbligi ambjentali.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li kieku l-Oppożizzjoni kienet onesta kienet tammetti li l-espansjoni ta’ impjant eżistenti hija l-inqas għażla invażiva; imma bħas-soltu, il-PN qed jipprova jagħmel l-unika soluzzjoni vijabbli tidher qisha l-agħar deċiżjoni.
Ironikament, huwa proprju għaliex ma ħasibx meta għażel dan il-post fl-2008, li issa qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-Gvern m’għandux alternattiva ħlief li jespandi, minflok l-impjant jinbena f’sit ieħor ‘il bogħod mir-residenti.
Din id-deċiżjoni ttieħdet b’responsabiltà biex l-estensjoni ssir b’mod li jitħares l-ambjent. Id-deċiżjoni saret ħalli ma jkunx hemm bżonn biex tittieħdet iktar art agrikola f’post ieħor.
Dan il-‘management by crisis’ li l-PN qed jipprova jixħet fuq il-Gvern mhu xejn ħlief ġenn populist bil-għan li jirbaħ xi punti politiċi tal-bdiewa. Iżda l-poplu jifhem min qed jipprova jfixkel u jagħmel il-ħsara, u min qed jagħmel il-mossa ġusta biex jikseb il-bilanċ bejn ħarsien ambjentali, interessi tal-komunità u l-bżonnijiet tal-bdiewa.
Il-Partit Nazzjonalista jippretendi li jsejjaħ lilu nnifsu difensur tal-agrikultura, meta kien hu li ħalla lid-drenaġġ isir bomba mas-saqajn. Ipokrezija pura u politika tad-double standards.