Il-Partit Nazzjonalista astjena dwar proġett importanti għall-ambjent u għall-pajjiż.
Chris Ciantar, li jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista fuq il-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, kien l-unika membru li ma vvutax u lanqas attenda għal-laqgħa li approvat l-impjant fil-Magħtab li bih se tiġi ġġenerata l-enerġija mill-iskart.
L-eks direttur u Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ George Pullicino ma vvutax għaliex skontu, kellu kunflitt ta’ interess minħabba xogħol ma’ waħda mill-kumpaniji li esprimiet interess biex twettaq dan il-proġett massiċċ.
Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Partit Nazzjonalista, għaliex Ciantar ma kienx preżenti għall-vot fuq proġett daqstant maġġuri għall-ambjent.
Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista qal li Ciantar bħalissa qed jikkordina proġett fuq produzzjoni ta’ biofertilizzant ma’ kumpanija ewlenija li esperimiet interess fil-proġett tal-inċineratur.
Lil hinn mir-raġuni li ta l-Partit Nazzjonalista, hija stramba li l-istess Partit Nazzjonalista ma jiħux pożizzjoni fuq proġett bħal dan.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l-ERA approvat il-kostruzzjoni ta’ faċilità ġdida fil-Magħtab u toroq t’aċċess għall-impjant.
Dan l-impjant se juża skart mid-djar u dak kummerċjali u jiġġenera l-elettriku, b’tali mod li jnaqqas l-iskart li ma jistax jiġi riċiklat.