Hu ċar, ħafna aktar minn qatt qabel, li l-Partit Nazzjonalista abbanduna l-pożizzjoni favur pajjiżna biex jintgħoġob ma’ pajjiżi oħrajn. Dan qaluh il-kandidati Laburisti għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba u Daniel Attard waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Iż-żewġ kandidati semmew kif, għal darb’oħra f’livell Ewropew, il-Partit Nazzjonalista abbanduna l-pożizzjoni biex pajjiżna jkun protett fejn tidħol l-armonizzazzjoni fis-sistema tat-tassazzjoni.
Spjegaw kif saħansitra din il-ġimgħa, kandidat tal-Partit Nazzjonalista għamel kummenti pubbliċi li potenzjalment jistgħu joħolqu instabbiltà kbira fis-settur finanzjarju. Meta mistoqsi fuq x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq l-armonizzazzjoni tat-taxxa, dan wieġeb li la hu kontra u lanqas hu favur, għax għadu qed jistudja l-pożizzjoni li se jkun qed jieħu.
L-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba sostna kif mill-ġdid, kif għamlu fuq temi oħrajn, insew l-interessi tal-Għawdxin u l-Maltin, speċjalment dawk li jaħdmu f’setturi milqutin direttament.
“Jintogħġob ma’ stati membri oħrajn li għalihom u għal numru ta’ stati membri Ewropej din hi prijorità fejn tidħol it-tassazzjoni. Jidher li l-Partit Nazzjonalista ċeda għal din il-pressjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, hi turija ċara oħra li l-Partit Nazzjonalista lest li jwarrab l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li f’dan is-settur nibqgħu kompetittivi u lest li jiddistabbilizza is-settur finanzjarju f’pajjiżna bil-bdil tal-pożizzjoni tiegħu.”
Alex Agius Saliba
Dr Daniel Attard qal li din hi parti mill-pjan strateġiku u kkordinat ta’ distabilizazzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tenna li hur propju għalhekk li, aktar minn qatt qabel, id-data tat-8 ta’ Ġunju tikber fl-importanza tagħha.
“Hi konferma tal-importanza li fit-8 ta’ Ġunju li ġej nagħżlu kandidati, noħorġu nivvotaw u nagħżlu kandidati li, lil hinn mit-twemmin politiku, imma kandidati li jkunu fejn ikunu u jkunu ma’ min ikunu, dejjem se jġibu l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox u żgur li l-interess ta’ Malta għalihom ikun jirbaħ qabel l-interess personali tagħhom.”
Daniel Attard