- Il-proċess ġudizzjarju ma jistax jinbidel f’konkors għall-għażla ta’ ġudikant favorit fuq ieħor
L-attakk aggressiv li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista fuq l-istituzzonijiet indipendenti llum sab kundanna qawwija tal-Qorti Kostituzzjonali.
Fi kliem il-Partit Laburista, il-PN kien qed jitlob li jinbidel l-Imħallef fil-kawża li għamel kontra l-Gvern dwar l-avviż legali li jirregola l-billboards fit-toroq. Hekk kif ċaħdet din it-talba u ordnat li s-smigħ tal-kawża jitkompla kif assenjat, il-Qorti tat ħasla lill-Partit Nazzjonalista.
Dwar ir-rikors li sar minn Rosette Thake u Anne Fenech, il-Qorti kkundannat it-tentattiv tal-PN li joħloq “biża’ li ma jkunx fondat jew okkażjoni biex wieħed jidħol f’sajda għall-ġudikant li tibdel il-proċess ġudizzjarju f’konkors għall-għażla ta’ ġudikant favorit fuq ieħor”. Il-Qorti qalet li dan il- “forum shopping jaf jissarraf f’abbuż tal-proċess ġudizzjarju”.
Il-Partit Laburista saħaq li dan ma kienx każ uniku. Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, bħala l-Avukat tas-Sindku Nazzjonalista tar-Rabat Għawdex, ukoll talab li tinbidel il-Maġistrat li ġiet assenjata biex tisma’ il-kawża ta’ libell li fetaħ Samuel Azzopardi. U għax il-Qorti ta’ Għawdex ċaħdet it-talba, Jason Azzopardi għamel rikors ieħor fejn qed jinsisti li tinbidel il-Maġistrat.
“Dawn huma tattiċi ta’ min huwa parti minn establishment elitista u jemmen li għandu dritt divin li jifred u jsaltan. L-Oppożizzjoni qed tagħmel dan l-attakk feroċi fuq l-istituzzjonijiet għax tinsab dahra mal-ħajt. Qed ittiha rasha għax mhux qed titwemmen min-nies u għalhekk fadlilha biss triq ta’ negattività.”
Il-Partit Laburista temm jgħid li Simon Busuttil se jibqa’ mfakkar bħala l-iktar Kap Nazzjonalista li niżżel lill-Partit tiegħu fl-aktar livell baxx li qatt kien.