“Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu monopolju fuq dak li hu tajjeb u jaġixxi bħal donnu xi nkwiżitur divin.” Hekk stqarr l-eks kandidat Nazzjonalista Michael Briguglio li kien ikkontesta l-elezzjoni għal Membri tal-Parlament Ewropew.
F’rapport fuq il-Malta Independent Briguglio stqarr kif ma kienx sorpriż bil-mandat b’saħħtu li ngħata l-Gvern Laburista u l-Prim Ministru Robert Abela, minħabba t-tmexxija għaqlija fl-aħħar sentejn u minħabba l-mod li bih tkellem dwar materja importanti u li tolqot direttament lin-nies.
Fi kliemu wieħed ma jistax jinnega l-fatt li Gvern Laburista wettaq dak li wiegħed u f’nofs pandemija wettaq riformi kbar. Min-naħa l-oħra Briguglio stqarr kif f’nofs leġislatura l-Partit Nazzjonalista nbidel f’kannibalu u beda jdur għal niesu. Manuvri li beżżgħu lil ħafna nies.
Stqarr li hawnhekk kien qed jirreferi għal mod ta’ kif il-kap elett demokratikament Adrian Delia kien imminat kontinwament minn fazzjoni fil-partit li imbgħad rnexxielha ttajru minn kap. Hawnhekk innota kif din daħlet dubji dwar kemm din l-istess fazzjoni tista’ tkun afdata li ma tagħmilx l-istess lil nies oħra, speċjalment dawk li ma jaqblux magħhom.
L-editorjal tal-Independent ukoll innota kif dawn il-Membri Parlamentari kollha ġew irrifjutati jew ingħataw tbeżbiża mill-elettorat. L-editorjal jinnota kif saħansitra Jason Azzopardi u Karol Aquilina qed iserħu fuq l-elezzjonijiet każwali biex possibilment jagħmluha fil-parlament. Chris Said ukoll ġie elett mingħajr ma laħaq il-kwota fuq it-tlettax il-distrett, filwaqt li Claudette Buttigieg qed isserraħ fuq il-mekkaniżmu tal-kwota biex possibilment tikseb siġġu fil-parlament. Mario De Marco u Beppe Fenech Adami ukoll tilfu iżjed min-nofs il-voti meta mqabbel mal-2017.
L-editorjal innota kif il-votanti Nazzjonalisti bil-vot tagħhom urew li huma kontra nies li jridu jġibu l-firda fil-Partit Nazzjonalista. Huma urew ukoll kif lanqas il-mod ta’ kif kap elett demokratikament tneħħa mit-tmexxija ma niżel tajjeb mal-elettorat.
Intant, Bernard Grech kompla jiggranfa mat-tmexxija. Fuq facebook huwa bidel ir-ritratt uffiċjali tiegħu ta’ Facebook u akkumpanjah bil-kitba “Qatt m’hu tard wisq biex taħdem għal dak li temmen fih.” Dan tliet ijiem wara li sar magħruf li wara kważi sentejn fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, l-elettorat irrifjutaħ u tah l-ikbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.