Illejla l-Parlament se jiddiskuti emenda fil-Kodiċi Kriminali biex tkun imħarsa ħajjet l-omm f’każ li ħajjitha tkun f’riskju jew saħħitha tkun f’periklu gravi.
L-għan tal-abbozz ta’ liġi hu li tkun iċċarata l-pożizzjoni legali tat-tabib kuranti u tal-omm f’ċirkostanzi fejn it-tqala twassal sabiex l-omm tbati minn kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqegħdilha ħajjitha f’riskju jew saħħitha f’periklu gravi.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-PN jaf sew li b’dak li se jibda jiddiskuti l-Parlament illejla, l-abort fil-liġijiet Maltin se jibqa’ llegali.
Fil-fatt, kif diġa’ spjegat, fil-liġijiet qed issir emenda waħda biss, li tiċċara li meta l-professjonisti mediċi jaqblu li t-tqala għandha tkun itterminata minħabba kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqiegħed ħajjet l-omm f’riskju jew saħħa ta’ periklu gravi, din it-terminazzjoni ma titqiesx bħala reat taħt l-artikoli 241(2) jew 243 tal-istess Kodiċi Kriminali.
Li jfisser ukoll li l-artikoli li diġa’ jeżistu fil-Kodiċi Kriminali dwar l-abort se jibqghu hemm. Hija wkoll emenda li tafda f’idejn il-professjonisti mediċi.
Il-Partit Laburista jemmen li m’għandu jkun hemm l-ebda xkiel fl-għoti tal-kura neċessarja lill-omm.