Fil-lista tar-rapporti ppreżentati lill-Kummissjoni Elettorali, skont il-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, il-Partit Nazzjonalista reġa’ hu ineżistenti għal sena oħra.
Dan wara li fil-lista għas-sena li għaddiet, l-2023, ismu ma jidhirx b’nemes. Xi ħaġa li mhijiex sorpriża lanqas, ladarba issa ilu jikser il-liġi f’dan ir-rigward mindu laħaq Kap Bernard Grech.
Verifika sempliċi mas-sit uffiċjali tal-Kummissjoni Elettorali tixhed dan sa mis-sena 2022, fejn kellhom jiddaħħlu r-rapporti tas-sena ta’ qabel.
Dan ifisser li mindu Grech sar Kap Nazzjonalista għadu ma ddaħħal l-ebda rapport finanzjarju jew tad-donazzjonijiet ta’ sena sħiħa.
Dwar dan, kien tressaq protest fil-Qorti mill-kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew, Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà, fejn wara rriżulta f’kontro-protest tal-Kummissjoni Elettorali stess li kienu diġà ntbagħtu ħames ittri ta’ twissija lill-Partit Nazzjonalista.
Issa fil-lista uffiċjali tar-rapporti għat-tnax-il xahar tas-sena li għaddiet li jkunu rċevew il-partiti hemm biss dawk tal-Partit Laburista, tal-Partit Popolari u tal-ADPD.
Fil-festi tal-Indipendenza s-sena l-oħra, quddiem il-partitarji Nazzjonalisti stess, Bernard Grech kien gideb sfaċċatament, meta mistoqsi minn ONE News dwar dan u qal li tali rapporti ġew ippubblikati.
Biex wara, meta baqa’ jiġi ssikkat minn midja oħra, kellu jiddikjara li ma setax isib awdituri li japprovawlu r-rapporti finanzjarji u dawk tad-donazzjonijiet.
Anke jekk ipprova jnaqqas il-gravità tal-każ, bħala biss “ħmerijiet”, dan jindika biss it-taħwid goff li jinkludu tali rapporti miġburin mill-Partit Nazzjonalista u allura l-ebda awditur li jibża’ għal ħobżu ma jissogra japprova.
Dan anke f’perjodu li l-Partit Nazzjonalista għamel żmien fejn lanqas teżorier uffiċjali ma kellu.