Uffiċjali mill-Partit Nazzjonalista bagħtu messaġġ ċar lill-Kummissarju għall-Ambjent, David Pace, li minkejja li għandu każ ta’ ksur ta’ kodiċi ta’ etika huma se jkunu qed jappoġjawh. Dan jekk fil-Parlament tqum xi kwistjoni dwaru.
Minn kemm ilu li faqqa’ l-każ skandaluż mill-Partit Nazzjonalista ħadd ma lissen imqar kelma waħda pubblikament, imkejjen viċin l-uffiċċju tal-Ombusman qalulna li l-messaġġ kien ċar ħafna.
Mhux uffiċjalment, lil Pace qalulu li l-Partit Nazzjonalista se jiddefendih, anke jekk jafu li l-aġir tiegħu ma kienx wieħed ġust.
Għalhekk, internament fl-uffiċċju tal-Ombudsman, Pace qed isostni li mhux se jirriżenja anke jekk fl-aħħar ġimgħat ħareġ b’mod ċar li aġixxa kuntrarju għal dak stabbilit fil-liġi tal-Ombudsman.
L-aġir ta’ David Pace, fl-aħħar snin, imur għal kollox kontra parir li kien ta’ l-eks speaker tal-Parlament Michael Frendo.
Parir ċar u bil-miktub mibgħut lill-eks Ombudsman, Joseph Said Pullicino, li taħt it-tmexxija tiegħu Pace baqa’ jaġġixxi b’mod li qajjem kwistjonijiet etiċi kbar.
Xi ħaġa li waslet biex għand l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż wasal ‘file’ anonimu bid-dettalji ta’ kif Pace baqa’ għaddej b’xogħol bi qligħ wara li nħatar fl-uffiċċju tal-Ombudsman. Kariga li suppost titlob imparzjalità kbira.
Dokument li ppubblika fl-aħħar ġimgħat il-ġurnal KullĦadd jindika b’mod ċar li l-eks speaker, Michael Frendo, kien ta parir bil-miktub biex ma jsirx xogħol fil-privat li jista’ jitfa’ dell ikrah fuq in-nies maħtura fl-uffiċċju tal-ispeaker.
Mhux biss l-Ombudsman u l-Kummissarji fi ħdan l-uffiċċju tiegħu m’għandhomx jagħmlu xogħol li jista’ jtellef l-imparzjalità u l-indipendenza tagħhom, iżda jekk iħossu li jistgħu iservu f’xi kariga li ma tolqotx l-imparzjalità tagħhom, għandhom jitolbu lill-ispeaker biex jagħti permess bil-miktub.
Iżda one.com.mt żvela li l-Kummissarj għall-Ambjent, David Pace, lanqas dan m’għamel.
Anke jekk baqa’ jservi ta’ direttur fuq kumpanija involuta fl-ippjanar. Dan minbarra xogħol ieħor li żvelajna fl-aħħar jiem.