Il-Partit Nazzjonalista vvota favur riżoluzzjoni mressqa quddiem il-Parlament Ewropew favur it-tisħiħ tal-armamenti tal-qerda tal-massa. Tali riżoluzzjoni inkludiet klawsola partikolari li dan irid isir permezz ta’ parti mill-baġits nazzjonali, li fil-każ ta’ Malta jlaħħaq għal madwar €52 miljun fis-sena.
Żvela dan il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Daniel Attard li, b’filmat fuq il-midja soċjali, spjega l-pożizzjoni li ħadu r-rappreżentanti Nazzjonalisti f’Lulju li għadda, fl-ewwel riżoluzzjoni mressqa f’din il-leġislatura l-ġdida tal-Parlament Ewropew.
“Flusek se jmorru għall-gwerra? Hekk riedu l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista. Fl-ewwel vot quddiem il-Parlament Ewropew, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista vvotaw favur riżoluzzjoni li kienet tgħid li kull pajjiż, inkluż Malta, għandna nonfqu 0.25% tal-GDP, tal-ġid nazzjonali, għall-armamenti fl-Ukrajna biex jintużaw kontra r-Russi. Għal Malta din kienet tkun tfisser €52 miljun mit-taxxi tagħna fis-sena.”
Daniel Attard, MEP Laburista
Tali deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista, bl-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista jivvotaw favur ir-riżoluzzjoni finali, tmur kompletament kontra dak li tiddetta l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna dwar in-newtralità u l-gwerer ta’ ħaddieħor.
Anke jekk il-Partit Nazzjonalista u r-rappreżentanti tiegħu ma kinux spjegawh dan b’mod xieraq dakinhar, illum tali deċiżjoni treġi ferm iżjed mal-pożizzjoni meħuda anke mill-President tal-Parlament Ewropew u Ewroparlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola.
F’kummenti mal-midja waqt is-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell il-ġimgħa l-oħra, din ma ddejqitx tiddikjara li l-allokazzjoni ta’ €800 biljun mill-Kummissjoni Ewropea għal ‘Rearm Europe’ messha ilha sew li saret.
Iżda, kif iddikjara bla tlaqliq il-Prim Ministru Robert Abela, Malta nsistiet li trid tiġi rrispettata l-pożizzjoni ċara tagħna fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew.
“Konna ċari ħafna li n-newtralità ta’ pajjiżna, in-non-allineament u l-prinċipju li aħna ma rridux li nissellfu jew nixtru armi militari, irid jiġi rifless. Sodisfatt immens li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew bil-miktub jispeċifikaw dan b’mod ċar, jiġifieri l-konklużjonijiet tal-Kunsill li jagħmlu referenza speċifika għall-politika partikolari ta’ difiża f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Min-naħa l-oħra, innota l-ipokrezija tal-Oppożizzjoni, li ma ħaditx direzzjoni ċara u, wara l-pożizzjoni ta’ Metsola, qed tipprova tiġġustifika u tqarraq.
Xi ħaġa li, kif esprima anke l-Ewroparlamentari Daniel Attard, hija ferm aktar evidenti bil-vot ta’ Lulju li għadda fil-Parlament Ewropew.
“Biex jipprova jiġġustifika din il-konfużjoni li qamet fih innifsu, il-Partit Nazzjonalista, ipprova jġib il-pożizzjoni tal-Gvern li taqbel ma’ dak li qed tgħid Roberta Metsola. Kollox ta’ taħt fuq. Il-vot tiegħi ċarissimu kien … favur li Malta ma tinvestix fl-industrija tal-armi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela