Il-Partit Nazzjonalista reġa’ sostna li l-għajnuna biex il-prezzijiet tal-enerġija baqgħu stabbli mhiex sostenibbli.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat Nazzjonalista Chris Said mhux biss qal li jaqbel mal-Kap Bernard Grech iżda saħansitra saħaq li Grech għandu raġun meta jgħid li l-għajnuna tal-Gvern biex il-kontijiet tad-dawl ma jogħlewx għall-familji u n-negozji, għandha issa tinqata’.
ĠURNALIST: “Bernard Grech qal li l-għajnuna fl-enerġija mhix sostenibbli. Taqblu miegħu?”
CHRIS SAID: “Bernard Grech kellu raġun, mhux Bernard Grech qed jgħidha. Bernard Grech qalha, imma qed jgħiduha l-istituzzjonijiet internazzjonali.”
Fit-tweġiba lil ONE News, Chris Said tenna b’mod ċar li għall-Partit Nazzjonalista, is-sussidju fuq l-enerġija, waqt sfidi internazzjonali bla preċedent, fosthom wara pandemija u gwerra fl-Ukrajna, għandu jieqaf.
“L-Unjoni Ewropea, mhux Bernard Grech biss, lill-Gvern Laburista qed tgħidlu: ey, ara x’se tagħmel, ibda l-phasing out.”
Sa ftit tax-xhur ilu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech f’diskors fil-Kamra tal-Kummerċ kien qal hekk.
“Li tibqa’ tissussidja l-eneġija żg ur li mhijiex l-aktar għażla sostenibbli.”
Bernard Grech anki kien qal li hu jagħmel bħal ma kien għamel il-Gvern ta’ GonziPN, jiġifieri li jħalli s-suq isuq u jitfa’ l-piż tal-prezzijiet tad-dawl fuq in-nies, għax dan ikun għola minn barra.
“Rigward il-prezzijiet. Meta l-prezzijiet bħal ma ġara fl-2008, 2009, 2010, 2011 u 2012, jogħlew internazzjonalment, jogħlew għal kulħadd.”
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa waranofsinhar, id-Deputat tal-establishment Nazzjonalista Chris Said imbagħad kompla jisħaq li s-sitwazzjoni ta’ għajnuna tal-Gvern għandha tieqaf għax fi kliemu, mhiex sostenibbli.
“Is-sitwazzjoni preżenti mhiex sostenibbli.”