Kelli bżonn post tal-akkomodazzjoni soċjali, għax imradt bil-kanċer. Kelli nitlaq mix-xogħol tiegħi u ma flaħtx aktar inħallas il-kirjiet.
Hekk stqarret mara mbikkma, li ttellgħet tixhed mill-Partit Nazzjonalista f’kawża li nfetħet mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino, fejn kien rappreżentat mill-avukati tiegħu id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina u Joseph Grech.
Il-Partit Laburista, permezz tal-President tal-Partit Laburista Ramona Attard, irrappreżentata mill-Avukat Pawlu Lia, talab biex jintervjeni f’dawn il-proċeduri, li fihom il-PN qed jitlob biex mal-mitt persuna ma tivvotax is-Siġġiewi wara li l-indirizz tagħhom ġie fuq post ta’ akkomodazzjoni fis-Siġġiewi stess.
Il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ tliet nisa, li dehru ferm emozzjonati li kellhom jitilgħu l-Qorti jispjegaw iċ-ċirkostanzi personali tagħhom li wasluhom biex ibiddlu l-indirizz tagħhom għall-post ta’ akkomodazzjoni fis-Siġġiewi.
Mara oħra li dehret emozzjonata ferm, hekk kif ma setgħetx tifhem għala tinsab il-Qorti, spjegat li hi omm waħedha qed trabbi tarbija u kellha bżonn tibda tgħix f’dan il-post, għax fil-post tal-ġenituri tagħha ma kellhiex biżżejjed spazju.
Mara oħra wkoll qalet li kienet tgħix mat-tfal tagħha għand il-ġenituri u wkoll kienet għaddiet minn diffikultajiet kbar minħabba nuqqas ta’ spazju.
Quddiem dawn l-esperjenzi personali ta’ tbatija, tela’ jixhed il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Julian Borg, li wera filmat li ġibed hu stess meta qabad u daħal bla permess fl-appartamenti biex juri li dawn għadhom bla għamara.
Julian Borg kien wieħed mill-aktar nies voċiferi minn dejjem kontra li tinbena akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi tant li kien wieħed minn dawk li għamlu appell biex jipprovaw iwaqqfu l-permess tal-Awtorità Ippjanar, liema appell kien ġie miċħud.
Fil-proċeduri, xehed ukoll Patrick Balzan, li hu magħruf dwar kemm hu qrib esponenti tal-Partit Nazzjonalista, u li wkoll daħal mingħajr permess f’dawn l-appartamenti.
Meta Balzan kien mistoqsi jekk għandux qraba hu stess li għandhom l-indirizz f’dan il-post ta’ akkomodazzjoni soċjali, hu wieġeb li ma jafx.
Il-kawżi se jkomplu jinstemgħu l-ġimgħa d-dieħla quddiem maġistrati differenti, fejn il-Partit Laburista qed jitlob biex ikun parti minn dawn il-kawżi ħalli jkun jista’ jiddefendi d-dritt tar-residenti tal-akkomodazzjoni soċjali li jivvotaw fl-indirizz li għandhom.
Sadanittant il-kawża tal-Ġimgħa kienet differita għal nhar id-9 ta’ Mejju biex issir deċiżjoni fuq jekk il-Partit Laburista jistax jintervjeni f’dawn il-kawżi.