Wara numru ta’ maratoni ġbir ta’ fondi fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, issa l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech beda kampanja oħra ta’ ġbir fondi.
Din id-darba l-Partit Nazzjonalista qed jitlob lin-nies sabiex ituh il-flus kull xahar mal-paga tagħhom u qed jitlob għal donazzjonijiet ta’ mitt ewro, mitejn u ħamsin ewro u anke aktar.
Fil-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista stajna ninnutaw formola sabiex wieħed jagħti d-dettalji tiegħu u n-numru tal-bank tal-partit.
Dan minħabba s-sitwazzjoni mwegħra li jinsabu fihom il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista, b’miljuni ta’ dejn, anke issa taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Waqt l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ftaħar bl-iskema sigrieta taċ-ċedoli li bdiet taħt Simon Busuttil, kompliet taħt Adrian Delia u għadha għaddejja taħt Bernard Grech.
Arrigo qal kif dawn iċ-ċedoli, li jgħaddu baxx baxx mil-liġi tal-finanzjament tal-partiti, żdiedu bil-mijiet.
Intant, il-gazzetta ILLUM tal-Ħadd irrappurtat kif il-paga tal-istrateġist il-ġdid fil-Partit Nazzjonalista, l-eks Kap Eżekuttiv tas-sit Lovin Malta, Chris Peregin hija waħda sigrieta.
L-istess gazzetta rrappurtat kif il-Partit Nazzjonalista ma ċaħadx li Peregin se jirċievi mal-€65,000.
L-istess Peregin fil-jum tal-Ħadd mar fuq il-midja soċjali u qal lin-nies sabiex jieqfu jilmentaw dwar il-partit u jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom lejn il-Partit Nazzjonalista.