L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ma laqax it-talba tal-Oppożizzjoni biex is-seduta tal-Erbgħa l-Parlament jiddiskuti mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Byron Camilleri.
Din il-mozzjoni tressqet mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, iżda l-Ispeaker qal li din hi mozzjoni sostanzjali u għandu jkun hemm avviż ta’ tlett ijiem biex din issir.
Dan filwaqt li dwar it-talba biex għada jiġi diskuss dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela fl-istqarrija ministerjali, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dan eżatt wara l-Prim Ministru. Dan filwaqt li l-membri tal-Oppożizzjoni kellhom kull ċans biex jistaqsu dwar din il-materja.
Wara din id-deċiżjoni, il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia sostniet li, għall-aħħar jumejn, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma ħallietx ix-xogħol tal-Kamra jsir u b’hekk qed ikun ikkunsidrat li titlaqqa’ seduta addizzjonali jew titwal is-seduta biex il-ħidma tal-Gvern tibqa’ għaddejja, kif inhu ppjanat.