Ikun min ikun Kap tal-Partit Nazzjonalista jrid isib mod kif jerġa’ jgħaqqad Partit li tkisser tul dawn l-aħħar għaxar snin. Dan qalu l-opinjonista Martin Scicluna f’artiklu fuq The Times fejn stqarr li l-ħafna ġrajjiet li ġraw fil-Partit Nazzjonalista tul dawn l-aħħar snin kissru l-partit.
Scicluna spjega li l-problemi fil-Partit Nazzjonalista bdew jinħmew fl-elfejn u tmienja meta Lawrence Gonzi rebaħ elezzjoni ġenerali bi żbrixx u l-aktar persuna qrib tiegħu Richard Cachia Caruana intbagħat rappreżentant ta’ Malta fi Brussell.
Fi kliemu, Scicluna ta x’jifhem li mingħajr Cachia Caruana, Gonzi tilef il-kontroll tal-partit li kien qed imexxi u stqarr li dak iż-żmien il-partit spiċċa bla tmun.
B’referenza għal Simon Busuttil, Scicluna jistqarr li mat-telfa tal-elezzjoni tal-elfejn u tlettax il-Partit Nazzjonalista għażel kap ħażin li kompla jfarrak lill-partit.
Dwar il-vot ta’ fiduċja li beda jittieħed l-Erbgħa filgħaxija u se jkompli s-Sibt li ġej, Scicluna stqarr li jkun x’ikun l-eżitu tal-vot dan m’hu se jsewwi xejn mill-ħsara li diġà saret.
Huwa laqa’ l-fatt li Delia daħħal lil Louis Galea sabiex ifassal strateġija oħra għall-Partit madankollu stqarr li se jkollu jagħmel dan fi sfond ta’ dimotivazzjoni, ġlied u numru ta’ gruppi ta’ attivisti li ssieħbu ma’ numru ta’ fazzjonijiet differenti.
L-opinjonista qal ukoll li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa wkoll qed jiġbdu ħabel differenti minn ħaddieħor. Punt ieħor li tkellem fuqu Scicluna kien id-dejn multimiljunarju li l-Partit Nazzjonalista kompla jakkumula tul is-snin.
Fuq kollox, fil-kitba tiegħu l-opinjonista Scicluna ddikjara bl-aktar mod kategoriku li sabiex il-Partit jerġa’ jieħu ftit tar-ruħ għandu bżonn jerġa’ jinbena mill-qiegħ.