Il-Partit Laburista qal, fi stqarrija, li jekk hawn xi ħadd li nesa lin-nies tal-Imsida kien proprju l-Partit Nazzjonalista, għax f’25 sena fil-Gvern, qatt ma indirizza l-problema tal-għargħar għall-istess komunità, li ilha snin twal.
B’reazzjoni għall-kritika u l-attakki tal-Oppożizzjoni fi stqarrija sforzata dwar il-proġett tal-Imsida Creek, li l-andament fuqu hu wieħed mexxej, il-Partit Laburista qal li dan qed idejjaq lil tal-Partit Nazzjonalista mhux ftit.
Ingħad li l-Oppożizzjoni trid biss treġġa’ l-arloġġ lura fuq dan il-proġett u, jekk hemm xi ħadd maqtugħ mir-realtà, dan mhu ħadd ħlief il-PN.
Il-Partit Laburista tenna li x-xogħlijiet li għaddejjin jixhdu l-impenn tal-Gvern biex iwettaq dan il-proġett maġġuri bl-inqas inkonvenjenza u fl-aħjar interess tal-komunità.
Dan waqt li Infrastructure Malta dejjem żammet lill-Kunsill Lokali tal-Imsida aġġornat b’kull fażi tal-proġett u kkoperat fit-talbiet li dan għamel fejn meħtieġ.
L-istqarrija kompliet li l-proġett se jara li, fost l-oħrajn, ikun hemm sistema ġdida ta’ dawl aktar moderna u sigura, waqt li se tiġi mitigata l-isfida tal-parkeġġi, għax fehmet l-inkonvenjent tar-residenti, u ġie identifikat sit biex jintuża b’mod temporanju mir-residenti.
Il-Partit Laburista qal li, kif jixhdu l-minuti rreġistrati fil-laqgħat tal-kunsill lokali, il-kunsillieri kollha Laburisti u Nazzjonalisti kienu qablu ma’ dan il-proġett, li se jinkludi bini ta’ fly-over, 60% ta’ spazji miftuħa ġodda, inkluża pjazza pedonali ta’ 2,000 metru kwadru, bandli ġodda, latrini ġodda, parkeġġi, cycling lane u kanal tal-ilma twil 300 metru biex jipprevjeni l-għargħar ikkaġunat mill-ilma tax-xita.
L-istqarrija ttemm tgħid li, kull meta l-Gvern wettaq proġetti ambizzjużi fil-pajjiż, dejjem sab reżistenza kontinwa mill-Oppożizzjoni. Iżda l-poplu ta l-fiduċja lil dan il-Gvern biex jaġixxi u jirriforma u hekk se jibqa’ jagħmel.