Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal, li l-inqas li jista’ jitkellem dwar l-għoli tal-ħajja huwa l-Partit Nazzjonalista għax li kien għalih pajjiżna żied it-tariffi tad-dawl u l-ilma u l-prezzijiet tal-fuel.
Dan meta f’dikjarazzjoni wara oħra, fuq quddiem nett ta’ Bernard Grech innifsu, il-Partit Nazzjonalista qal li f’dan is-settur dak li jiġri barra għandu jiġri Malta u saħansitra Bernard Grech qal li l-għajnuna mhux sostenibbli. Iktar minn hekk f’dak li qal għandu jiġri fis-settur tal-enerġija, bil-liberalizzazzjoni, ukoll iżid il-prezzijiet.
Gvern Laburista jieħu dawn id-deċiżjonijiet għax jifhem dak li qed iħasseb lin-nies u għax b’idu fuq il-polz tal-poplu jagħmel dak li hu fil-kontroll tiegħu biex jindirizza dan it-tħassib, għalhekk ukoll kien introdott mekkaniżmu ġdid u addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja li kompla jitħallas din il-ġimgħa. Gvern Laburista se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet li jgħinu n-nies, għaliex ir-realtajiet u l-isfidi jindirizzahom differenti ħafna minn kif kien jagħmel Partit Nazzjonalista fil-Gvern.