Minbarra li, għal dawn l-aħħar snin kien qed jikser il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech ukoll ilu għal iżjed minn sentejn jinjora twissijiet tal-Kummissjoni Elettorali biex jippreżenta d-dokumenti finanzjarji tiegħu u dak tad-donazzjonijiet.
Fil-fatt jirriżulta li l-Kummissjoni Elettorali bagħtet ħames ittri ta’ twissija f’dan ir-rigward li jibdew mit-18 ta’ Jannar tal-2022 u bl-aħħar waħda li ntbagħtet kienet fl-14 ta’ Ġunju li għadda.
Dawn id-dettalji ġodda dwar il-ksur tal-liġi mill-Partit Nazzjonalista ħarġu f’kontro-protest li ppreżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili l-Kummissjoni Elettorali stess, b’rabta mal-azzjoni legali li ħadu fl-aħħar jiem il-kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew, Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà.
Huma argumentaw kif il-Partit Nazzjonalista ma mexiex mal-obbligi tiegħu skont il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti u baqa’ ma ppubblikax il-kontijiet tiegħu kif inhu obbligat. Fil-fatt, mindu Bernard Grech laħaq Kap, il-PN baqa’ ma ppubblika l-ebda minn dawn ir-rapporti.
Dwar dawn l-istess rapporti u ksur tal-liġi, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien l-ewwel gideb mal-ġurnalist ta’ ONE News waqt il-festi tal-Indipendenza u qal li dawn iddaħħlu, iżda meta ftit jiem wara nkixef, beda jġib l-iskużi u waħħal fin-nuqqas ta’ ħaddiema.
Dwar dan l-iżvilupp, ħadna l-kummenti tal-Avukati Marija Sara Vella Gafà u Daniel Attard, proprju minn quddiem id-Dar Ċentral f’Tal-Pietà.
Vella Gafà tkellmet dwar dak li xpruna din l-azzjoni legali min-naħa tagħhom u r-risposta tal-Kummissjoni Elettorali.
Qalet, “Ikkomunikaw magħna l-Kummissjoni Elettorali, b’mod uffiċjali, fejn irċevejna kontro-protest u dan jgħid b’mod ċar kif il-Partit Nazzjonalista ilu jinjoraha għal diversi xhur. Il-Kummissjoni Elettorali kkomunikat mal-Partit Nazzjonalista ħames darbiet infila, madankollu, il-Partit Nazzjonalista ma daħħalx l-istatements tiegħu. U allura hi prova ċara ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista qed jiġi jaqa’ u jqum minn dak kollu li tgħid il-liġi u jibqa’ ma jdaħħalx l-istatements finanzjarji u l-istatements tal-flus li daħħal fl-aħħar xhur.”
Min-naħa tiegħu, Daniel Attard tkellem dwar l-ipokrezija u l-attitudni arroganti li jħaddan il-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Il-kontroprotest jesponi l-ipokrezija grassa tal-Partit Nazzjonalista. Ma ninsewx, l-istess Partit li meta kien fil-Gvern, għamel snin twal jirreżisti din il-liġi biex jaħbi minn fejn iġib il-flus tiegħu, imbagħad meta mar fl-Oppożizzjoni, falla l-Partit Nazzjonalista, lanqas kellu biex iħallas il-pagi tiegħu. Aktar tard daħħal l-iskema taċ-ċedoli, skema li fil-fehma tiegħi, mhi xejn għajr skema ta’ ħasil ta’ flus, biex il-Partit Nazzjonalista jaħbi minn fejn iġib il-flus tiegħu. Illum għax għandna din il-liġi fis-seħħ, jibqa’ jinjora t-twissijiet tal-Kummissjoni Elettorali biex jaqdi dmiru u jippubblikahom, mhux b’rispett lejn l-elettorat.”
Skont il-protest ġudizzjarju, il-Partit Nazzjonalista naqas milli jippreżenta r-rapporti finanzjarji tiegħu għas-snin 2021 u 2022, u b’hekk għandu jiġi ordnat iħallas sa €20,000 f’multa għal kull nuqqas, li b’hekk l-ammont jista’ jlaħħaq l-€40,000.
Minbarra hekk, naqas milli jissottometti l-kontijiet verifikati, b’rabta mal-istess perjodu. Nuqqas li għalih, skont il-liġi, trid tiġi imposta multa ta’ €10,000 għal kull sena li ma jiġux ippreżentati l-kontijiet tiegħu, jiġifieri sa €20,000 oħra f’multi addizzjonali.
Fil-protest ġudizzjarju, iż-żewġ avukati talbu lill-Kummissjoni Elettorali biex timxi mal-liġi u tordna lill-Partit Nazzjonalista jippreżenta l-kontijiet tiegħu u timponi l-multi imposti mil-liġi, li jistgħu jlaħħqu sa €60,000.