Il-Partit Nazzjonalista kompla jattakka l-proċess ta’ sejħa pubblika għall-pożizzjoni ta’ Kummissarju tal-Pulizija ġdid.
Għall-ewwel darba fl-istorja, il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija ser timtela’ wara sejħa pubblika u bi proċess ta’ skrutinju mill-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi fil-Parlament.
Proċess mhux biss konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja iżda jmur pass ‘il quddiem hekk kif il-Prim Ministru reħa minn idu l-veto dwar l-għażla tal-ogħla kariga fil-korp.
Fil-Parlament id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fetaħ attakk fuq il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u qal li din is-sejħa hija illegali.
Hu stqarr: “Fl-opinjoni tiegħi illegali.”
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri wieġeb għall-attakki ta’ Karol Aquilina u qal li din hija kummissjoni indipendenti.
Huwa sostna: “Qed jiżgwida lill-Kamra għax mhux il-Ministru li jindaħal x’tagħmel il-PSC. Huwa b’mod perikoluż li tgħid li għamilha l-Ministru.”
F’dagħdigħa sabiex jattakka l-proċess ta’ sejħa pubblika, Karol Aquilina attakka ukoll il-korp tal-pulizija.
Aquilina kompla jgħid: “Il-korp falla.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri rringrazzja lill-korp tal-pulizija ta’ ħidmiethom u qal li kien dan il-Gvern għandu r-rieda sabiex ibiddel l-affarijiet.
Il-Ministru Camilleri saħaq: “Dejjem il-Kummissaru nħatar mill-Prim Ministru u issa kien Robert Abela li kellu r-rieda li jbiddel kif jinħatar u jneħħi l-poter.”