Il-Partit Nazzjonalista kompla bl-attakk tiegħu fuq inizjattivi li jikkontrollaw l-inflazzjoni u jilqgħu mill-piż tal-għoli tal-ħajja fuq in-nies.
F’dibattitu fuq l-istazzjon ONE, waqt il-programm ‘Dean Jistaqsi’ bejn il-kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul għan-nom tal-Partit Laburista u David Agius għan-nom tal-Partit Nazzjonalista, dan tal-aħħar infexx f’attakk fuq l-iskema ‘Stabbiltà’.
Dan wara li l-Kap Bernard Grech kien qabbilha mat-tfarfir taż-żebgħa u l-istess Partit Nazzjonalista ġab kelliem fil-Kunsill Ġenerali biex jgħid li hi miżura perikoluża ħafna.
Steve Ellul: “F’Malta, pajjiżna, irnexxielna nagħmlu skema ‘Stabbiltà’, skema illi…”
David Agius: “Li falliet.”
Steve Ellul: “Għadu kif qed jgħidilna li falliet. F’Malta għandna l-inflazzjoni llum li hi n-nofs dik li kellna f’Ottubru li għadda. Ma nemmnux l-istatistika, qed jgħidilna David Agius, l-NSO qalitha dik u qed jurina David Agius, ara d-differenza bejn dak li jgħid u illi jagħmel.”
Il-kandidat Laburista Steve Ellul saħaq li t-tim tal-Partit Laburista jibqa’ jemmen favur l-investiment fin-nies u miżuri li taw stabbiltà anke fuq l-enerġija, anke jekk il-Kummissjoni Ewropea qalet lill-Gvern Malti biex jaqta’ s-sussidju.
Saħaq ukoll li d-differenza bejn ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista hi ċara, anke fuq il-kisba ta’ fondi Ewropej.
“David Casa li konsistentament jaħdem u jikteb lill-Kummissjoni Ewropea biex jinqatgħu l-fondi lejn pajjiżna u issa jekk ma tridx qalilna, jekk ma tridx, lest juża l-għodod kollha neċessarji, anke l-affarijiet li ma nafux bihom, qalilna, biex jagħmel l-istess. Imbagħad mhux biss hekk biss, kellna lil sieħbu Peter Agius illi wkoll dan, jekk jogħġbok, irid jikteb lill-Kummissjoni Ewropea, għal darba, darbtejn, tlieta, u ħa għalih għax ma rrispondewhx, ma tawx kasu biex inaqqas il-fondi lejn pajjiżna. Jiġifieri bejn dak li tiktbu u dak li tagħmlu, David hemm baħar jikkumbatti.”
Steve Ellul: “Mela ħa taħdmu magħna biex inġibu l-fondi Ewropej għall-gass pipeline li ħa jkun hydrogen ready.”
David Agius: “Inkredibbli.”
Fid-diskussjoni, David Agius ried imur lura fiż-żmien, b’Ellul ifakkru wkoll kif il-Partit Nazzjonalista daħak bil-kaċċaturi, b’ittra li kien bagħatilhom, u llum nies fi ħdanu jgħidu li għandha tinqata’ l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Dan filwaqt li l-Gvern Malti, permezz tal-Ministru Clint Camilleri, jinsab fil-Lussemburgu quddiem Qorti Ewropea jiddefendi l-interessi tal-kaċċaturi u derogi miksuba għal Malta.
Steve Ellul, imbagħad, innota kif l-eks Viċi Kap Nazzjonalista jaf tajjeb min hu l-establishment li, bil-poter f’idu, jaħdem kontra min ma jdoqqx id-diska tiegħu.
“Taf tajjeb min hu l-establishment, David. Ħa ngħidlek min hu l-establishment, David. Dan il-ħabib tiegħek Adrian Delia, li qalilna sew fuq it-Times of Malta. Dan kemm tagħmel Google search, m’għandekx inkwiet. ‘Delia blames establishment, warns patience is running out’.”