Fil-programm ‘Insights’ fuq ix-xandir nazzjonali, il-Kelliem Nazzjonalista Ivan Castillo reġa’ sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ta’ fejn irid jieħu lill-pajjiż b’rabta mal-ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea.
Minkejja dan, meta mistoqsi kemm hawn ħaddiema barranin żejda fil-pajjiż, Castillo rrefera għall-pjan, li kien ippreżenta l-Partit Nazzjonalista snin ilu.
Anke jekk hu stess ftit taż-żmien ilu kien sostna li l-popolazzjoni għandha tonqos għal dik li kienet fl-2013, f’dan il-pjan Nazzjonalista jissemma li jkun hawn żieda ta’ 32,500 sa ħames snin oħra.
Castillo, li kien l-awtur tal-Pre Budget Document “bla beef” tal-Partit Nazzjonalista, infexx jattakka l-Malta Labour Migration Policy bħala mhix prattika u li hemm ħafna setturi li hemm bżonn aktar ħaddiema barranin.
Dan minbarra li, bħal esponenti oħrajn Nazzjonalisti, ikkonferma li ma jaqbilx li tiżdied il-miżata fil-permessi għal ħaddiema barranin ġodda.
B’kuntrast, fl-istess programm, il-Ministru responsabbli Byron Camilleri sostna li s-sena l-oħra ġew irrifjutati 4,700 applikazzjoni għal ħaddiema barranin u minbarra hekk tkeċċew mill-pajjiż 1,700 persuna li ma kinux qed josservaw il-liġijiet.
“Minflok, il-Ministru, bir-rispett kollu lejh, qed ikompli jħanbaq u jħanbaq fuq id-drittijiet tal-ħaddiema. Jekk mhawn ħadd li jemmen fid-drittijiet tal-ħaddiema hu l-Partit Nazzjonalista.”
Ivan Castillo, Deputat tal-PN
Castillo rrepeta wkoll il-gidba li ż-żgħażagħ Maltin qed jemigraw, minkejja li l-ġurnalist tat-TVM irreferih għall-fact checker tat-Times fl-aħħar jiem, li wera biċ-ċar li dan mhux minnu, anzi li t-tendenza nqalbet fl-2018.