Kellha tkun konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li tikxef għal kollox it-taħwid bejn id-Deputati Nazzjonalisti dwar il-proposta ewlenija ta’ Bernard Grech dwar il-famuża trackless tram.
Taħwid li jixhed għal kollox in-nuqqas ta’ preparazzjoni u studju tal-istess Partit Nazzjonalista dwar din il-wegħda.
Il-Ġimgħa waranofsinhar, waqt konferenza li segwiet numru ta’ konferenzi oħrajn dwar it-trackless tram, ġurnalist ta’ ONE News staqsa lill-Perit Toni Bezzina dwar id-dikjarazzjonijiet kuntrastanti bejnu u bejn id-Deputat Ryan Callus.
Dan dwar fejn se tkun qed titpoġġa t-trackless tram tal-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Kont f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Awtorità tax-Xandir ftit tal-jiem ilu fejn ipparteċipa fiha Ryan Callus. Dan qal li għat-trackless tram se tittieħed lane eżistenti. Minn naħa l-oħra l-perit Toni Bezzina qed jgħid li se titwessa’ t-triq. Liem hi t-tajba?
Kien hawn li l-Perit Toni Bezzina mera dak li qallu l-ġurnalist dwar dak li qal id-Deputat Ryan Callus propju tlett ijiem ilu.
Qal, “Jiena ħu paċenzja, jiena mingħandek smajtha li l-Inġinier Ryan Callus qal li se titnaqqas lane.”
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista mtella’ mill-Awtorità tax-Xandir, Ryan Callus qal hekk.
Għall-kuntrarju ta’ dak li qal Ryan Callus, Toni Bezzina qal li fl-ebda ħin il-Partit Nazzjonalista ma qal li se juża karreġġjata eżistenti.