Lejlet l-elezzjoni tal-2013, proġett Nazzjonalista kien elimina aċċess importanti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bil-konsegwenza li, meta partijiet minnu ħadu n-nar ftit tal-jiem ilu – eżattament f’Jum il-Milied – numru ta’ infermieri u pazjenti spiċċaw jissograw ħajjithom biex jevakwaw il-post biex jevitaw in-nirien.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta Kullħadd fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd li għadda.
Il-gazzetta spjegat kif fis-6 ta’ Frar tal-2013, xahar wara l-bidu tal-kampanja elettorali, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono inawguraw estensjoni tas-sala tal-operazzjonijiet, fost kritika qalila dak iż-żmien dwar l-istat miżerabbli li kien tħalla fih l-Isptar Ġenerali.
Din il-kritika kienet marbuta ma’ rapporti ta’ telqa, ħmieġ, nuqqas ta’ iġjene, arja kundizzjonata ma taħdimx, soqfa jisfrondaw, u anke ġrieden jiġru fis-swali li, fost l-oħrajn, kienu l-ordni tal-ġurnata.
Fil-fatt, fl-istat li kien tħalla jaqa’ fih dak iż-żmien, l-Isptar kien jiġi deskritt bħala “tat-Tielet Dinja”
Madankollu, f’nofs il-ġenn biex tiġi inawgurata din l-estensjoni, in- nuqqas ta’ ppjanar serju wassal biex ġie eliminat kuritur, li kien jifred is-sala tal-operazzjonijiet mis-sala tal-irġiel, u ġonġewhom it-tnejn ħajt ma’ ħajt.
B’hekk l-Emergency Exit fis-sala tal-irġiel ġiet awtomatikament eliminata, mingħajr ma ttieħdu miżuri oħrajn biex ipattu għaliha.
Fil-fatt, dakinhar tal-inawgurazzjoni, il-Ministru Giovanna Debono kienet ammettiet li l-Isptar kien “jeħtieġ ristrutturar qawwi”, bl-iskuża li “ilu jaqdi s-servizzi tas-saħħa f’Għawdex għal kważi 40 sena”.
Dan minkejja li għall-25 sena ta’ qabel ma kien sar prattikament xejn.
Fl-istess inawgurazzjoni, il-Prim Ministru ta’ dakinhar, Lawrence Gonzi, kien ftaħar li tali investiment kien “imsejjes fuq il-prinċipju u t-twemmin li l-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru tal-politika”.
Intant, il-Kullħadd irrimarkat li stqarrija uffiċjali tal-Partit Nazzjonalita, nhar it-Tlieta li għadda, iffirmata mid-Deputati Alex Borg – li f’Għawdex inzerta hu l-eredi tat-“tron” tal-istess Giovanna Debono – Stephen Spiteri u Adrian Delia, li ironikament, staqsiet jekk kienx hemm biżżejjed miżuri ta’ saħħa u sigurtà fl-Isptar.
L-istess għamel b’mod separat l-eks Ministru Chris Said, fuq il-midja soċjali tiegħu.
Said, li ironikament 10 snin ilu kien ukoll preżenti għall-inawgurazzjoni tas-sala l-ġdida, it-Tlieta stess staqsa: “Għaliex f’ċerti swali tneħħa l-ħruġ ta’ emerġenza u qatt ma reġa’ sar?”
L-għada kompla jżejjinha u, f’post oħra fuq Facebook, qal li huwa “tal-mistħija: swali fi sptar, b’għexieren ta’ pazjenti fihom li m’għandhomx emergency exit.”