Il-Partit Nazzjonalista ċanfar lis-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, u kkundanna lis-Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg.
Fi stqarrija li ħareġ tard il-Ħamis filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kunsill Amministrattiv, wieħed mill-organi ewlenin tal-Partit, iddiskuta l-każ tas-Sindku Naxxarija u l-allegazzjonijiet li għamel is-Sindku Ġiljaniż fuq Ray Bezzina, l-eks id il-leminija ta’ Bernard Grech u li kien qed imexxilu l-istrateġija fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Dwar Muscat Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista qal li tqajmu dubji fuq allegazzjoni li seta’ kellha kunflitt ta’ interess fuq proġett fil-lokalità li tmexxi.
Dwar dan il-każ, f’Diċembru li għadda, l-kap Bernard Grech kien talab lil Muscat Fenech Adami biex tirriżenja iżda din irrifjutat u akkużat lill-Kap Nazzjonalista b’logħob partiġġjan.
Minn hemm, wara l-isfida diretta, il-Kap ried jgħaddi lis-Sindku Naxxarija minn proċess intern ta’ dixxiplina.
Aktar tard kienet sostniet li ħassitha dispjaċuta fuq li dak sar fil-konfront tagħha.
Il-proċess tas-Sindku Naxxarija qajjem rebus sħiħ fil-Partit Nazzjonalista tant li tkaxkru s-saqajn, anki għax kienet ġejja l-elezzjoni ġenerali. Fl-aħħar jiem, l-eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo qal li Bernard Grech gideb fuq li l-proċess ma kienx konkluż u għamel dan għax ma għoġbux ir-rapport tal-Kumitat għall-etika u dixxiplina tal-partit.
Sussegwentament, Bernard Grech ħareġ darbtejn iwieġeb lil Robert Arrigo, darba bi stqarrija u darba fuq ir-radju tiegħu, u qal li dak li sostna Arrigo mhuwiex minnu.
Grech xorta kien ammetta li l-proċess tal-Kumitat intern tal-partit kien lest.
Fuq l-allegazzjonijiet tas-Sindku Ġiljaniż, Albert Buttigieg, il-Partit Nazzjonalista kkundanna lil Buttigieg għax, skontu, ma ressaqx provi.
Il-Partit Nazzjonalista ta ċamata lis-Sindku Ġiljaniż talli tkellem fil-beraħ fuq il-każ li qajjem.
Buttigieg kien sostna li uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista wiegħed lil kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan, li kienu se jagħlqulu ħalqu għax kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu ta’ San Ġiljan.
Buttigieg, li kien qed jirreferi għal Ray Bezzina, figura b’esperjenza f’eks Gvernijiet Nazzjonalisti, ilmenta li l-partit fil-fatt warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali u qal li ħassu mibjugħ għal tletin biċċa tal-fidda.