It-turbulenzi fil-Partit Nazzjonalista wara l-akbar telfa elettorali mill-Indipendenza ’l hawn qed ikomplu jiġu nnutati fil-gazzetti indipendenti.
Dan hekk kif l-opinjonista James Debono fuq il-gazzetta MaltaToday qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiġġedded taħt Kap megħlub.
Dan hekk kif l-opinjonista nnota kif ħadd s’issa ma ura l-interess għal Kap Nazzjonalista, għajr Bernard Grech innifsu. Tellieqa fejn Grech se jkun waħdu u b’hekk it-tesserati Nazzjonalisti mhumiex se jitħallew jivvutaw. B’din it-tiġrija se tkun l-istess waħda bħal ma għamel l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, fi żmien id-diżġwid ma’ Franco Debono.
Hawnhekk f’dan l-artiklu ġie nnutat kif Bernard Grech ikkundizzjona din it-tellieqa minn qabel, hekk kif huwa ddikjara mal-ewwel li jrid jibqa’ Kap.
B’dan wassal biex ħaddieħor ma tefax ismu għat-tellieqa għal Kap Nazzjonalista.
Ġie nnutat kif wara riżultati ħżiena fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2013 u l-2017, kemm Lawrence Gonzi u anki Simon Busuttil irriżenjaw mit-tmexxija Nazzjonalista.
Hawnhekk f’dan l-artiklu ġie nnutat kif ir-riżultat tal-elezzjoni wera kif il-votanti għadhom ma jarawx lill-Partit Nazzjonalista bħala gvern alternattiv. Dan anki kif matul il-kampanja elettorali kien hemm diversi uċuħ tal-passat, waqt li min-naħa l-oħra l-Partit Laburista baqa’ jiġġedded.
Intqal kif id-deputati ġodda eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista huma wkoll minn diversi fazzjonijiet differenti. Dan hekk kif għandek dawk viċin l-establishment Nazzjonalista u oħrajn li ma riedux l-establishment u ġew eletti.
F’dan l-artiklu ġie nnutat kif waqt il-kampanja elettorali, il-prestazzjoni ta’ Bernard Grech kienet fqira, speċaljment waqt id-dibattiti mal-Prim Ministru Robert Abela.
James Debono f’dan l-artiklu nnota wkoll kif diversi attivisti fil-Partit Nazzjonalista qegħdin jitkellmu dwar il-fatt li l-Partit Nazzjonalista jinsab ipparalizzat. Dan anke kif ġie nnutat f’dan l-artiklu, ir-riskju li jibqa’ jmexxi Bernard Grech wara l-akbar disfatta għall-Partit Nazzjonalista mill-Indipendenza ’l hawn.
Fl-artiklu ġie nnutat ukoll kif il-Partit Nazzjonalista għaddej minn kriżi eżistenzjali.
L-istess ġie nnutat f’artiklu ieħor fuq l-istess gazzetta tal-opinjonista Raphael Vassallo, li qal kif ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali wera li l-maġġoranza tal-elettorat ċaħad lill-Partit Nazzjonalista. Hawnhekk intqal li dan huwa ġġustifikat biżżejjed biex jinbidel il-kap tal-partit.
Vassallo nnota kif min-nies kollha kien Mark Anthony Sammut li beda jġib l-iskużi għal Bernard Grech, li qal kif f’sena u nofs kemm ilu Kap huwa għamel bidliet importanti. Hawnhekk l-opinjonista nnota d-double standards ta’ Sammut, hekk kif dan wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kien minn ta’ quddiem biex jitqaċċat Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista.