Il-Partit Nazzjonalista qed juri ipokresija u kattiverja kbira meta ħa n-nies il-Qorti biex ma jagħmlux dak li qed jagħmel il-kandidat tiegħu stess, Peter Agius, li wkoll biddel l-indirizz tiegħu minn Ħ’Attard għal Mosta, lokalità missielta bħas-Siġġiewi, fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.
Il-Partit Nazzjonalista ma riedx li nies bil-kanċer, vittmi ta’ vjolenza domestika u nies li kienu qed jistennew akkomodazzjoni soċjali jivvutaw fis-Siġġiewi għax kellu problema li jiddeterminaw il-futur ta’ din il-lokalità.
Innutat dan kollu l-President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard li f’filmat ippubblikat innutat it-teatrini tal-Partit Nazzjonalista li ried iċaħħad il-vot ta’ dawn in-nies fis-Siġġiewi u mar isabbat mal-bibien u żjarat bil-lejl fil-postijiet t’akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi.
Il-Partit Nazzjonalista ma riedx li dawn in-nies jivvutaw fil-lokalità fejn se jgħixu għax sostna li l-postijiet mhux lesti.
Jirriżulta mbagħad li Peter Agius iddikjara l-indirizz tiegħu f’post fejn għandu l-uffiċċju tiegħu fil-Mosta f’post ġebel u saqaf, għal kollox differenti għal dawk fis-Siġġiewi, fejn in-nies bdew idaħħlu l-għamara.
Il-post fejn qed jgħid li jgħix fih Peter Agius lanqas bibien u aperturi ma għandu.
Dr Ramona Attard qalet li dan qed jiġi mmarkat mhux għax tagħmel differenza fejn jivvota Peter Agius iżda turi l-ipokresija tal-Partit Nazzjonalista.
“Il-Partit Nazzjonalista ħa n-nies il-Qorti biex ma jagħmlux dak li jrid jagħmel Peter Agius u kompliċi ta’ dan kollu huwa dak li jrid isir Sindku tas-Siġġiewi”, qalet Dr Attard b’referenza għall-Perit Julian Borg.
“Bil-kejl tas-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Michael Piccinino, Peter Agius qed iwettaq frodi elettorali. L-ipokresija, il-kattiverja u l-arroganza nieqfulha bil-vot nhar is-Sibt li ġej”, temmet tgħid Ramona Attard.
ARA WKOLL: